Lokali

€200 miljun li ma jeżitux

Il-ġimgħa l-oħra l-Prim Ministru ħabbar investiment ta’ €200 miljun fil-qasam tas-saħħa fl-istess waqt li ħabbar il-ftuħ ta’ campus ta’ Barts school of Medicine and Dentistry f’Għawdex. Il-mod kif poġġa l-kliem u organiżża l-attivita f’Għawdex b’nofs il-kabinet warajh, Joseph Muscat ipprova jagħti l-impressjoni li Barts ser tinvesti il-€200 miljun. Il-verita hi ma jeżisti l-ebda investiment ta €200 miljun la minn Barts u l-anqas minn ħaddieħor.

Il-Gvern għadu ser joħroġ sejħa għal espressjoni ta’ interess fil-ġimgħat li ġejjien u allura għadu ma jafx la jekk hux ser ikun hemm interess u wisq inqas li ser ikun ta’ €200 miljun. Jekk jiġi l-investiment aħna nieħdu gost għax ikun ta’ ġid għal poplu Malti. Naturalment xogħol l-Oppożizzjoni hi li tagħmel skrutinju fuq l-operat tal-Gvern . Kull mistoqsija li tagħmel hija ġustifikata u l-Gvern ma jistax joqgħod isejjħilha negattiva għax taqdi dmirha.

Din mhux l-ewwel darba li lejlet appuntament elettorali il-Prim Ministru tagħna jwiegħed dak li m’għandux f’idejh. Din hija tattika li qed tindarra bħalma qed tindarra it-tattika l-oħra tiegħu li kull darba li jiġi dahru mal-ħajt dwar xi skandlu joħroġ b’xi storja dwar ex- Ministri Nazzjonalisti.

Joseph Muscat issa ilu aktar minn sentejn fil-Gvern u għadu għaddej daqs li kieku għadu f’kampanja elettorali moħħu biex jippreżenta proġetti fantażmi imkebbin ġo karta b’kuluri sbieħ.

Il-Poplu Malti jistenna minn Joseph Muscat li jkun Prim Ministru mhux salesman fażul ibiegħ prodott li m’għandux.