Kif kien irrappurtat il-Ġimgħa li għadda, illum tħabbret il-ħatra ta’ Fr Joe Galea Curmi bħala l-Vigarju Ġenerali l-ġdid tal-Knisja f’Malta. Kien l-Arċisqof Mons Charles Scicluna li ħabbar dan permezz ta’ messaġġ fuq Twitter (stampa isfel). Fr Galea Curmi se jkun qed jieħu post l-istess Mons Scicluna, li kien Vigarju Ġenerali meta nħatar Isqof Awżiljarju ta’ Malta fis-6 ta’ Ottubru 2012.
Fr Joe Galea Curmi twieled fl-1 ta’ Jannar 1964 u ġie ordnat Saċerdot fil-5 ta’ Lulju 1991. Studja fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u fl-Università Pontifiċja tal-Lateran f’Ruma, fejn kiseb id-Dottorat fit-Teoloġija bi speċjalizzazzjoni fit-Teoloġija Pastorali. Wara l-istudji f’Ruma, hu nħatar Assistent Segretarju Pastorali tal-Arċidjoċesi.
Fr Joe Galea Curmi kien Kordinatur tas-Sinodu tal-Arċidjoċesi ta’ Malta bejn l-1999 u l-2003, kif ukoll Editur tad-Dokumenti Finali tas-Sinodu Djoċesan, ippubblikati mill-Arċidjoċesi fl-2003 u fl-2004. Kien Editur ta’ diversi Pjani Pastorali tal-Arċidjoċesi, ippubblikati wara s-Sinodu bħala parti mill-implimentazzjoni tas-Sinodu, kif ukoll kien fil-grupp organizzattiv tal-Assemblea Djoċesana li tiltaqa’ kull sena mill-2004 wara t-tmiem tas-Sinodu Djoċesan.
Il-Vigarju Ġenerali l-ġdid hu Lecturer fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Hu wkoll Segretarju tal-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi u membru fil-Bord tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Hu wkoll membru tal-European Society for Catholic Theology. Jaħdem fil-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan u hu wkoll Assistent Ekkleżjastiku tas-Sezzjoni Maltija taċ-Centesimus Annus Pro Pontifice Foundation.
//= $special ?>