Internazzjonali

Franza tintroduċi liġi ġdida dwar il-bjut tal-bini

Il-bjut tal-bini ġodda li qed jitilgħu fiz-zoni kummerċjali ta’ Franza jridu jkunu ‘parzjalment mgħottija’ bil-pjanti, inkella bis-solar panels. Dan skont liġi ġdida li kienet approvata ftit tal-jiem ilu f’dan il-pajjiż.

L-hekk-imsejħa ‘green roofs’ jgħinu jnaqqsu l-ammonti tal-enerġija meħtieġa biex isaħħnu l-bini matul ix-xitwa filwaqt li jippermettu għall-frisk, matul is-sajf.

Dawn is-soqfa kapaċi anki jżommu l-ilma tax-xita minbarra li – fi kliem l-ekoloġisti – ‘jiffavorixxu l-kunċetti tal-biodiversita’.

Il-liġi approvata mill-Parlament Franċiż hi aktar limitata, fl-iskop tagħha, mill-appelli inizjali tal-attivisti (Franċiżi) favur l-ambjent. L-attivisti kienu insistew għall-introduzzjoni tal-‘green roofs’ li jkopru l-ispazju kollu tal-bjut tal-bini ġodda kollha, iżda l-Gvern Franċiż ikkonvinċihom biex il-liġi tkun illimitata biss għall-bini kummerċjali.

Il-‘green roofs’ huma popolari fil-Ġermanja u l-Awstralja, bil-belt Kanadiża ta’ Toronto, fl-2009, taddotta liġi li tagħmilhom mandatorji għall-bini industrijali u daqstant ieħor residenzjali.