Lokali Parlament

Ħames riżenji f’sena mill-Kunsill Konsultattiv tan-Nofsinhar ta’ Malta

Minn ħames impjegati fil-Kunsill tnejn huma fil-customer care

Matul l-aħħar 12-il xahar kien hemm ħames riżenji ta’ membri mill-Kunsill Konsultattiv tan-Nofsinhar ta’ Malta li twaqqaf mill-Prim Ministru sena u erba’ xhur ilu taħt it-tmexxija tad-Deputat Laburista Silvio Parnis, bħala Chairman tal-Kunsill.
Jirriżulta wkoll li mill-ħames impjegati fil-Kunsill tnejn huma fil-customer care.

Dan kien żvelat fi tweġiba li ngħatat għal mistoqsijiet li għamel fil-Parlament ix-Shadow Minister Jason Azzopardi, li staqsa lill-Ministru Helena Dalli tgħid jekk matul l-aħħar 12-il xahar kienx hemm riżenji ta’ membri mill-Kunsill Konsultattiv tan-Nofsinhar ta’ Malta; min kienu dawk li rriżenjaw u liema settur kienu qed jirrappreżentaw. Intalbet tgħid ukoll jekk ġewx appuntati membri ġodda matul l-istess perjodu; min huma, minn liema lokalità ġejjin u liema setturi qed jirrappreżentaw f’dan il-Kunsill.

Jirriżulta li irriżenjaw minn dan il-Kunsill Konsultattiv li twaqqaf f’nofs Novembru tal-2013, Lino Bugeja, Joe Fava, Kenneth Abela u Graziella Cavlan li kienu kollha jirrappreżentaw is-settur tal-Gvern. Kien hemm ukoll ir-riżenja ta’ Nora Macelli li kienet tirrappreżenta lill-Kurja ta’ Malta.

Għall-ħames riżenji li seħħew, matul l-istess perjodu kienet appuntata persuna waħda, Joseph Salerno li jirrappreżenta l-Kunsill ta’ Marsascala.

Ix-Shadow Minister staqsa wkoll fil-Parlament, kemm il-Kunsill Konsultattiv għandu impjegati jaħdmu jew li ġew assenjati mal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta; x’inhu x-xogħol u l-grad ta’ dawn l-impjegati; u l-benefiċċji li qed jingħatalhom, u minn liema lokalitajiet huma dawn l-impjegati.

Jirriżulta li mill-ħames impjegati li għandu l-Kunsill Konsultattiv, tnejn minnhom huma assenjati għal xogħol ta’ customer care – persuna minn Ħal Kirkop fil-kariga ta’ Kap tal-Customer Care fil-grad ta’ Officer II, u persuna oħra minn Santa Luċija fil-Customer Care tal-istess Kunsill fil-grad ta’ Assistant Principal.

Il-Kunsill, taħt it-tmexxija tad-Deputat Laburista Silvio Parnis li kien elett fl-aħħar elezzjoni minn fuq ir-raba’ distrett elettorali, għandu wkoll xufier minn Ħal Tarxien li kien impjegat f’Mejju tas-sena l-oħra, u Segretarju tal-Kunsill mill-Imqabba li kien ukoll impjegat f’Mejju tas-sena l-oħra. Il-Kunsill għandu wkoll impjegat ieħor, fil-kariga ta’ Deputat Segretarju tal-Kunsill li hu minn Raħal Ġdid.

Id-Deputat Laburista Silvio Parnis hu wieħed mid-diversi deputati Laburisti fuq in-naħa tal-Gvern li l-Prim Ministru ħatar f’kariga ta’ tmexxija ta’ aġenzija, awtorità, jew entità tal-Gvern.

Il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta hu entità oħra tal-Gvern li għażlet, permezz taċ-Chairperson magħżul minn fost id-Deputati Laburisti tal-Gvern, li timpjega nies minn barra s-settur pubbliku biex kompla żied in-nefqa tas-salarji tal-Gvern.

Il-ġimgħa li għaddiet, id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo, żvela li fil-Ministeru ta’ Helena Dalli hemm ħames xufiera li ngħataw impjieg fuq il-mertu ta’ persons of trust, bil-Ministru Dalli tiddefendi dawn il-ħatriet billi tikkonferma li saru dawn il-ħatriet iżda li qalet li mhumiex impjegati bħala xufiera magħha iżda huma xufiera ta’ Chaipersons tal-awtoritajiet u entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tal-ministeru li hi tmexxi.