Internazzjonali

Iben l-eks-President Ukren imut mgħarraq

Kien konfermat li l-iben iż-żgħir tal-eks-President Ukren Viktor Yanukovych (ritratt), miet mgħarraq fix-Xmara Baikal tar-Russja, wara inċident bil-karozza.
Ir-rapporti qalu li l-vittma, li wkoll kien jismu Viktor, spiċċa f’qiegħ ix-xmara meta kien qed isuq vettura waqt avveniment sportiv. Ix-xmara, lejn in-Nofsinhar tas-Siberja, kienet miksija bis-silġ u ċediet taħt il-piż tal-vettura. Ir-rapporti jgħidu li ħames persuni oħra li kienu fl-istess vettura salvaw.
Hu mifhum li l-inċident seħħ wara li l-grupp saq il-vettura għal fuq is-silġ tax-xmara biex jiġbdu r-ritratti. Viktor Yanukovych Jr, li kellu 33 sena, kien dilettant kbir tal-isport magħruf bħala ‘extreme driving’.
Madankollu, mewtu għandha wkoll element ta’ misteru, hekk kif hi l-aħħar waħda f’sensiela ta’ mwiet li jinvolvu lil nies b’konnessjoni mal-eks-President Yanukovych.
Aktar kmieni din is-sena, fl-Ukrajna, kien instab il-katavru tal-eks-Gvernatur reġjonali, Oleksandr Peklushenko, li jingħad li kien wettaq suwiċidju. Sadanittant, din is-sena mietu wkoll ħames uffiċjali oħra f’ċirkostanzi misterjużi.
L-eks-President Ukren, Yanukovych, hu fuq il-lista tan-nies imfittxija mill-INTERPOL, filwaqt li l-uffiċjali tal-Ukrajna qed jakkużawh li ffroda l-fondi pubbliċi ekwivalenti għal miljuni ta’ dollari. Yanukovych kien tkeċċa minn President tal-Ukrajna fi Frar tal-2014, wara li eluf ta’ nies ipprotestaw fit-toroq talli dak li kien il-Gvern Ukren, fl-2013, iddeċieda li jwarrab ftehim mal-Unjoni Ewropea favur rabtiet eqreb mar-Russja.