Lokali

Il-Gvern daħħal taxxi li seta’ evita kieku ħadem b’għaqal- Simon Busuttil

“Dan hu Gvern li ntaxxa lill-poplu mill-ġuf sal-qabar. Dan hu Gvern li daħħal taxxi li kieku ħadem bilgħaqal ma kienx ikollu għalxiex idaħħalhom. Dawn it-taxxi se jolqtu eluf ta’ Maltin.”

Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt dibattitu fil-Parlament. Hu qal li l-Gvern qed jintaxxa lill-industrija tal-inbid, is-servizzi kollha mabruta mal-karrozzi, il-petrol u d-diesel, l-assigurazzjoni, it-trasport pubbliku mill-1 ta’ Lulju u anki daħħal taxxa fuq il-mobiles li se jħalllas għaliha l-konsumatur.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega kif dan kien baġit li żied ukoll l-ispejjeż marbuta mal-bini u sostna li l-Gvern daħħal taxxi fuq il-faqar fosthom fuq il-housing soċjali b’żieda fil-kirjiet minn €45 fis-sena għal €200 fis-sena.

Il-Gvern daħħal ukoll taxxa fuq l-edukazzjoni b’żieda qawwija fuq l-eżamijijiet tal-O levels, żied jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni, li huma ferm iktar miċ-ċentezmu li żied fl-istipendji. L-uniku żieda lill-familji kienet dik ta’ 58 ċentezmu fil-ġimgħa, li hi l-inqas żieda li qatt ingħatat minn meta kien hemm friża fuq il-pagi, qal Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament qal li dawn iż-żidiet qed imorru għall-kapriċċi, għan-nies bla bżonn li qed idaħħal, għall-promozzjonijiet fl-Armata, għal Michelle Buttiġieġ fi New York, għal Cyrus Engerer u għall-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Dan hu Gvern imnawwar u mhux jerfa’ r-responsabbilta politika fit-trasprenza u l-meritokrazija, sostna Simon Busuttil, li kkritika lill-Prim Ministru għan-nuqqas ta’ trasparenza fiż-żjara li għamel fl-Ażerbajġan mal-Ministru Konrad Mizzi.

Hu fakkar kif l-Awditur Ġenerali kkundanna lil Konrad Mizzi għax indaħal fix-xiri taż-żejt ta’ €67 miljun propju mill-Ażerbajġan. Dan wassal għal telf ta’ €14-il miljun.

Iż-żidiet fit-taxxi qed iwasslu għall-ħlas ta’ €42 miljun li ngħataw lill-Cafe’ Premier, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li qal li qal li l-kawżi twaqqgħu f’Ġunju u mar għall-awtorizzazzjoni tal-Kabinett tliet xhur wara.

Il-poplu qed iħallas ukoll għat-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl għaliex il-powerstation ma nbnietx, kompla jgħid Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li flok żied it-taxxi u l-burokrazija, l-Gvern missu żied l-effiċjenza u ppropona li jitwaqqaf working group fl-MCESD biex jistudja l-effett taż-żidiet tat-taxxi fuq in-negozju, jitnaqqas il-ħlas tas-servizzi li jsiru bl-internet u li jitkompla l-proġett tas-servizzi li jingħataw bl-internet.

Iż-żidiet fit-taxxi mhumiex sforz ħtieġa iżda sforz l-ineffiċenjza u l-inkompetenza tal-Gvern, inkluż il-ħatriet oxxeni tas-suppost ‘Malta Tagħna Lkoll’, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.