Iż-żona tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun hi żona minsija mill-amministrazzjoni preżenti tal-Kunsill Lokali. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel fil-Ħamrun, fejn diversi sidien tal-ħwienet tkellmu ma’ Simon Busuttil dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw fejn jidħol negozju.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni kien hemm il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius, kif ukoll il-Kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fil-Ħamrun.
Simon Busuttil qal li l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, immexxi minn maġġoranza Laburista, nesa’ ż-żona tal-Kunċizzjoni u għalhekk mhuwiex jagħti importanza lejn dak li għandhom bżonn ir-residenti, li jinsabu rrabjati li hekk kif waslet elezzjoni tal-Kunsill Lokali qed jagħmel xi xogħolijiet fit-toroq. Sfortunatament, dawn ix-xogħolijiet mhux qed isiru sew u saħansitra spiċċaw ta’ inkonvenjent jew ta’ periklu għan-nies.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ wkoll il-proġett approvat mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun fi Pjazza Fra Diegu, fejn qal li minbarra li l-maġġoranza tar-residenti huma kontra li jsir dan il-proġett, il-Kunsill Lokali spiċċa jaqdi lil xi ħadd li għandu kiosk fil-pjazza minflok indirizza l-interessi tal-komunità sħiħa. Simon Busuttil temm jgħid li tmexxija Nazzjonalista ma timxix skont il-kulur politiku tan-nies li trid tirrapreżenta.
Tmexxija Nazzjonalista trid tagħmel differenza fil-ħidma tagħha, bl-iskop li jgawdu minnha r-residenti tal-lokalità, sostna Simon Busuttil.
//= $special ?>