Lokali

Il-qtil ta’ Raymond Caruana: Aktarx l-arma tan-nar inġiebet mil-Libja

Min qatel lil Raymond Caruana biswit ir-razzett tiegħu kien ilu ħafna jippjana l-qtil u qagħad attent ħafna li ma jħallix traċċi warajh

L-arma tan-nar li aktarx intużat fil-qtil ta’ Raymond Caruana jista’ jkun li ġejja mil-Libja. Dan hekk kif l-ewwel erbgħa u għoxrin siegħa ta’ stħarriġ wara li jsir reat huma kruċjali ħafna għall-investigaturi għax jindikawlhom hux se jkunu kapaċi jsolvu l-istess reat jew le.

Il-qtil ta’ Raymond Caruana nhar il-Ġimgħa bil-lejl biswit ir-razzett tiegħu f’zona remota u mudlama f’Ħaż-Żebbuġ hu diffiċli ħafna biex jissolva.

Minkejja l-ħafna movimenti li kien hemm matul l-aħħar jumejn fi ħdan numru ta’ uffiċċji fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) u anke pressjoni fuq esperti tal-Forensika u oħrajn tal-Qorti, kollox jindika li d-delitt ta’ ‘Ray tal-Bowser’ mhux se jkun wieħed faċli għall-investigaturi li minkejja li jistgħu jaqbdu diversi rotot fl-investigazzjoni, madankollu huma kompletament fil-għama dwar il-mottiv li wassal biex hu jinqatel.

Il-Pulizija diġà tkellmet ma’ numru ta’ persuni li forsi jistgħu jitfgħu dell fuq dan id-delitt – it-tieni wieħed għal din is-sena – iżda jidher li l-fomm magħluq tal-istess Raymond Caruana, li qajla kien jafda u li ftit li xejn kien jaqsam ġrajjietu – qed iħalli lill-Pulizija sajma mill-informazzjoni għaliex lil min qed tkellem ftit li xejn jista’ jgħin.

Bla dubju ta’ xejn li Raymond Caruana kien jiffrekwenta ċerti ċrieki u kellu l-ħbieb ukoll fost fizzjali għolja fil-Korp tal-Pulizija, iżda x’wassal preċiżament biex hu jingħata xita ta’ tiri biex jinqatel għadu mhux magħruf. Numru ta’ mottivi jistgħu jkunu qed idawru dan id-delitt.

Li hu ċert mija fil-mija hu li għal xi raġuni gravi ħafna – li l-investigaturi għadhom iridu jistabbilixxu – Raymond Caruana kien meħtieġ li jitwarrab min-nofs. Issa jew jinqatel bi tpattija għal xi ħaġa li għamel jew għal xi kallu li rifes, jew inkella jitwarrab minħabba li forsi parla żejjed ma’ xi terzi u għalhekk kien sar ta’ periklu għal xi persuni jew saħansitra għaliex skont iċ-ċirku involut f’dan id-delitt, forsi naqas milli jwettaq xi ħaġa mistennija minnu. Bla dubju kobba mħabbla ħafna, anke minħabba l-fatt li l-vittma kien magħruf li jiffrekwenta ċerti postijiet u lil ċerti ħbieb.

L-investigaturi jafu tajjeb li waħda mir-rotot li jridu jinvestigaw f’dan id-delitt hi li dan il-qtil jista’ jkun ieħor fis-sensiela ta’ delitti li seħħew fl-aħħar snin u li tinkludi l-qtil ta’ Joseph Grech ‘il-Yo Yo’, Joseph Cutajar ‘Il-Lion’, Kevin Gatt u Steve Zammit, Pawlu Degabriele ‘Is-Suldat’ u Jonathan Pace ‘Tyson Butcher’.

Id-delitt ta’ Raymond Caruana, li minbarra li hu magħruf bħala ‘Ray tal-Bowser’ isibuh ukoll bħala ‘Ta’ Gejtanu’, sar bi pjan preċiż ħafna li ilu jinħema bosta xhur, possibbilment sa minn tmiem is-sajf tas-sena l-oħra meta kienet insterqet karozza tat-tip Opel Corsa minn Tal-Pietà u li probabbilment b’xi mod intużat fid-delitt ta’ nhar il-Ġimgħa bil-lejl. Fil-fatt din il-karozza nstabet maħruqa mill-Pulizija nhar is-Sibt waranofsinhar f’Tal-Virtù.

Delitt Raymond Caruana Vittma 200315

Minnha l-Pulizija elevaw ukoll arma semi-awtomatika li hemm min jemmen li kienet l-istess arma li ntużat biex Raymond Caruana nqatel b’xita ta’ balal.
Nifhmu li min ippjana l-qtil ta’ Raymond Caruana – Żebbuġi miżżewweġ u li kien joqgħod Ħaż-Żebbuġ – ma ħa l-ebda ċansijiet fit-tentattiv tiegħu. Ried li ladarba jiġi biex iwettaq il-pjan tiegħu jaċċerta ruħu li Raymond Caruana jinqatel fil-post.

Għalhekk spara fid-direzzjoni tiegħu xita ta’ balal li b’kollox tammonta għal ftit inqas minn ħamsin balla, b’sitta minnhom ikunu fatali għaliex laqtuh gravament f’diversi partijiet tal-ġisem tiegħu, b’uħud minnhom jippenetraw fejn laqtu.
Sorsi fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali li lbieraħ tkellmu ma’ ‘In-Nazzjon’ fissru li probabbilment meta kien deċiż li Raymond Caruana jkun eliminat, il-qattiela taw bidu għall-pjan tagħhom kif dan jinqatel mingħajr mhux biss ma jinqabad il-qattiel, imma anki biex l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ma jkunux faċli.

Għalhekk il-qattiela bdew isegwu mill-qrib ħafna l-passi tiegħu. Min ried joqtlu żgur li stabbilixxa li Raymond Caruana – li xogħlu uffiċjali kien li jsuq it-trakkijiet u l-bowsers u jissupplixxi l-ilma fid-djar u f’postijiet oħra – kien iqum kmieni u jibda l-ġurnata tax-xogħol tiegħu sa mis-sebħ. Madankollu jidher li dan ma kienx mument tajjeb għal delitt bħal dan.

Dawk li riedu joqtluh kienu jafu wkoll li kellu razzett fl-imwarrab fl-inħawi ta’ San Blas, fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ. Issa dan ir-razzett jinsab fi Triq il-Buskett u biex wieħed jasal għalih mhux biss irid ikun jaf fejn hu, imma anki kif jgħaddi għalih. Aktar u aktar filgħaxijiet meta l-inħawi huma dominati għalkollox minn dlam ċappa.

Dan kollu jfisser li min wettaq id-delitt mar fil-post aktar minn darba. Mhux biss biex jiffamiljarizza ruħu miegħu, imma anki biex jippjana tajjeb fejn se joqgħod jistenna u minn fejn kellu jgħaddi biex fl-ebda mument ma jinqabad mill-kameras tas-sigurtà li hemm mal-istess razzett.

Jidher li ġaladarba dan kollu kien imħejji, allura l-imħuħ wara dan id-delitt għażlu l-jum tal-Ġimgħa filgħaxija biex isegwu mill-qrib il-passi kollha li kien qiegħed jagħmel Raymond Caruana.

U hekk ġara. Fil-fatt jidher li Raymond Caruana, bħalma kien jagħmel ta’ spiss ħafna, filgħaxija mar ir-razzett tiegħu ‘Ta’ Gejtanu’ fi Triq il-Buskett f’Ħaż-Żebbuġ fejn kien hemm tgħix ukoll ċerta Carmen Zammit li kienet ħabiba tal-istess Raymond Caruana li kellu 53 sena.

Jidher li meta Raymond Caruana, nhar il-Ġimgħa filgħaxija, wasal ir-razzett bil-Jeep Wrangler fetaħ ix-xatba li tagħti għar-razzett u saq il-karozza tiegħu bin-numru tar-reġistrazzjoni EBU678 fuq ġewwa u daħal fil-binja proprja tar-razzett.

Ġewwa fil-kumpanija tal-ħabiba tiegħu Carmen Zammit dam ftit tal-ħin mhux ħażin u dan ta l-opportunità lil min kien qiegħed jgħassislu biex joqtlu biex jippożizzjona lilu nnifsu bil-kumdità kollha biex hekk malli Raymond Caruana joħroġ biex jitlaq lura lejn daru, ikun jista’ jwettaq id-delitt ippjanat minn qabel.

Grazzi għad-dlam ċappa fl-inħawi l-probabbiltà tas-sekwenza fl-aħħar ħinijiet kienet li min spara l-arma tan-nar tat-tip Kalashnikov – u li mhux ċert jekk kienx waħdu jew jekk kienx akkumpanjat minn persuna jew tnejn oħra – ippożizzjona lilu nnifsu faċċata tax-xatba fi speċi ta’ daħla ta’ sqaq ċkejken. Il-probabbiltà wkoll hi li din il-persuna, u forsi xi persuna oħra li kellha magħha, kellhom il-vantaġġ ukoll li jistaħbew qalb il-ħaxix ħażin għoli li hemm fl-inħawi.

Kien għall-ħabta tad-9.30pm meta Raymond Caruana deher ħiereġ mill-bieb tar-razzett u wara li fetaħ ix-xatba biex ikun jista’ jsuq il-jeep ’il barra, rikeb mill-ġdid fil-vettura u bil-mod il-mod kien se jibda jsuq biex iħalli r-razzett.

Kien hawn li xita ta’ balal kienu sparati fid-direzzjoni tal-windscreen tal-jeep li ma taw l-ebda ċans lil Raymond Caruana jagħmel xi tip ta’ reazzjoni jew jipprova jiżgiċċa. Ftit inqas minn ħamsin balla kienu sparati f’temp ta’ ftit sekondi minn xulxin u ħafna minnhom mhux biss laqtu lill-karozza f’partijiet differenti u kkaġunawlha ħafna ħsarat, iżda wħud mill-balal laqtu lill-istess Raymond Caruana f’partijiet differenti tal-ġisem tiegħu, fosthom f’riġlejh u f’sidru. Sitta minn dawn il-balal kienu fatali.

Il-ħsejjes tal-arma semi-awtomatika tispara dwew mal-inħawi u filwaqt li min sparahom ħarab mill-post fejn probabbilment li kellu xi tip ta’ trasport jistennieh ftit lil hinn biex ma jinqabadx, Carmen Zammit li kienet ġewwa r-razzett ħarġet tiġri barra biex tara x’kien ġara.

qtil raymond caruana zebbug pulizija1

Hi ratu jirnexxielu joħroġ mill-Jeep, jimxi għan-naħa ta’ wara tagħha, jaqa’ ħdejn tal-karozza li kienet startjata, u jmut taħt għajnejha fi dlam ċappa kaġun tat-tiri li kien intlaqat bihom.

Minnufih ċemplet lill-Pulizija u qaltilhom li kienu għadhom kemm ġew sparati għadd ta’ tiri ta’ arma tan-nar u li kaġun ta’ dan kien hemm raġel milqut fi Triq il-Buskett f’Ħaż-Żebbuġ, limiti ta’ San Blas.

L-ewwel li waslu fil-post kienu membri tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit (RIU) li sabu l-karozz, left hand drive, imqabbda u bil-fanali ta’ quddiem mixgħula. Biswitha Raymond Caruana mingħajr ebda sinjali ta’ ħajja u mdawwar f’għadira demm. Hu kien liebes qalziet, qmis u ġakketta. Kien evidenti wkoll li kienu sparati ħafna balal tant li fl-art kien hemm għadd kbir ta’ skrataċ imferrxin ’l hawn u ’l hemm.

Waslu wkoll Pulizija mid-Distrett, imma anki mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u mid-Dipartiment tal-Forensika. L-aċċess għat-triq fejn sar id-delitt ingħalaq u fil-post kien meħtieġ li tinġieb vettura tal-Pulizija li tipprovdi d-dawl biex l-esperti tal-forensika, l-uffiċjali investigaturi u l-esperti tal-Qorti jkunu jistgħu jaħdmu bil-galbu.

Bid-delitt kienet infurmata wkoll il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret għadd ta’ esperti biex jgħinuha fl-inkjesta. L-istħarriġ fil-post tmexxa minn numru ta’ investigaturi.

Fost l-ewwel impenji tal-Pulizija kien hemm dak li x-xena tad-delitt tibqa’ waħda intatta kemm jista’ jkun. Ittieħdu wkoll kampjuni tas-swaba’ minn fuq il-karozza mtertqa bit-tiri, iżda deher li ma kienx probabbli li min wettaq id-delitt kien b’xi mod jew ieħor mess mal-karozza.

Filmati meħuda minn cameras tas-sigurtà jidher li ftit kienu ta’ għajnuna siewja għall-investigaturi minħabba li min wettaq id-delitt jidher li qagħad b’seba’ mitt għajn biex fl-ebda ħin ma jinqabad minnhom u dan juri wkoll kemm dan id-delitt kien ilu jkun imħejji.

L-awtopsja fuq il-katavru tal-vittma, li bdiet nhar is-Sibt tard filgħodu fil-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei mistennija tkompli llum it-Tnejn.