Qorti

Il-verdett tar-Rumen, mixli li kkaġuna ferita gravi li wasslet għall-mewt ta’ Sudaniż, mistenni għada

L-Imħallef Antonio Mizzi, li kien qed jippresiedi l-ewwel ġuri tiegħu quddiem ġurija, illum waranofsinhar beda l-indirizz tiegħu fejn spjega d-dettalji tal-każ ta’ Rumen, ta’ 29 sena, akkużat li kkaġuna ferita gravi segwita bil-mewt ta’ Sudaniż, li seħħet tliet snin ilu quddiem stabbiliment tax-xorb f’Paceville.

L-Imħallef Mizzi beda jfiehem it-termini legali tal-każ fejn spjega lill-ġurati li huma issa għandhom ikunu “l-Imħallfin tal-fatti”.

Il-ġuri fil-konfront ta’ Antonel Dobre, li issa beda riesaq lejn tmiemu, beda nhar it-Tnejn 16 ta’ Marzu, u mistenni jintemm għada wara li l-ġurati jidħlu jiddeliberaw il-każ.

F’dan il-ġuri, Dobre qed ikun akkużat b’żewġ kapi ta’ akkuża. L-ewwel kap ta’ akkuża huwa li kkaġuna ferita gravi lil Osama Al Shazliay Saleh, ta’ 24 sena, li ġarrab ġrieħi gravi, fosthom frattura tal-kranju li ġabet emoraġija qawwija u frattura fl-iskutella tar-ras ikkaġunata b’dik id-daqqa qawwija. Dobre qed jiġi mixli wkoll bi ksur tal-paċi pubblika.

Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li l-akkużat ta daqqa tant b’saħħitha lill-vittma li dan tal-aħħar waqa’ mal-art qisu xkora patata u baqa’ mal-art.

Fi tmiem il-kontro-replika tad-Difiża, immexxija mill-Avukat Roberto Montalto, huwa appella lill-ġurati biex ma joqgħodux fuq l-emozzjonijiet tagħhom jew xi pre-konċezzjonijiet, u fakkarhom li huma ħadu l-ġurament fil-bidu tal-ġuri.

L-Avukat Montalto talab lill-ġurati biex jikkunsidraw il-fatt ukoll li Saleh kellu reputazzjoni bħala wieħed “bully” u raġel li jfittex l-inkwiet. Huwa inċita x-xhieda ta’ Alfred Portelli, ex bouncer, li nhar is-Sibt iddeskriva lill-vittma bħala persuna vjolenti u arroganti. Qal li Portelli anke xehed li l-vittma ma kienx jitħalla jmur f’ċerti postijiet tad-divertiment, u dan għaliex kien attakka rekluta żagħżugħ tal-Forzi Armati ta’ Malta, ċertu Darren Borg.

Il-vittma kien attakka u sawwat lil Borg bħal annimal, fejn kien tah daqqa ta’ ponn, tefgħu mal-art, gidimlu idu u tah bis-sieq ġo rasu. L-Avukat Montalto fakkar lill-ġurati li Borg ma setax jispjega għaliex huwa kien ġie attakkat u li ma kienx irrapporta l-każ lill-Pulizija għax beża’ li jispiċċa jkollu problemi u riperkusssjonijiet fil-karriera tiegħu mal-Armata.

“Portelli, li qatta’ l-aħjar żmien ta’ ħajtu bħala suldat u bouncer, ftakar fuq Saleh. Alla biss jaf kemm jaraw persuni differenti kull lejl il-“bouncers”– għafejn taħsbu li lis-Sudaniż baqa’ jiftakru?” qal l-Avukat Difensur.

Kompla jgħid li f’dawn il-każijiet il-mejjet dejjem jidher li kien hu r-raġel it-twajjeb, u dan għax hekk hija t-tendenza umana, li wieħed jirrispetta l-mejjet. Hawn, qal l-Avukat Montalto, għal mument wieħed għandu jinsa l-fatt li Saleh miet, u jikkunsidra x’kien għamel qabel.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-avukati tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Kevin Valletta u Nadia Attard, nhar is-Sibt li għadda fl-argumenti tagħhom qalu li kien hemm ħafna inkonsistenzi u varjazzjonijiet fuq dak li qal l-akkużat u sieħbu li kien miegħu Radu Rica, li huwa wkoll Rumen.

Ix-xhieda tagħhom inbidlet meta mqabbla bejn il-kors tal-istqarrijiet li huma taw lill-Pulizija meta kienu interrogati, waqt il-kumpilazzjoni kif ukoll waqt il-ġuri.