Internazzjonali

Ir-Renju Unit jiffaċċja l-periklu tan-nemus li jġorr il-mard qattiel

In-nemus li jġorr il-mard serju jista’ jinfirex madwar ir-Renju Unit fi żmien 20 sena waqt li l-klima tad-dinja qed issir aktar sħuna.

Fil-fatt, l-insetti li jitrasmettu l-infezzjonijiet magħrufa bħala ‘vector-borne’ u li darba kienu iżolata għar-reġjuni ekwatorjali, diġa invadew ir-reġjuni Ewropej tal-Lvant u n-Nofsinar.

Sadanittant, studju ġdid qed ibassar li m’għandux jgħaddi ħafna żmien sakemm l-insetti – fosthom in-nemus – jaslu wkoll fir-Renju Unit u fejn iġibu magħhom tipi ta’ mard tropikali bħal dengue fever u chikungunya.

Jingħad li l-klima tar-Renju Unit diġa hi ‘xierqa’ għan-nemus li jġorr il-West Nile Virus – infezzjoni li tikkaġuna l-mard fuq il-livell tal-influwenza u li f’xi każi tista’ tirriżulta fatali.

Id-dengue fever ukoll għandu potenzjal qattiel għall-bniedem, madankollu għadu ma feġġ l-ebda każ, fir-Renju Unit, fejn xi residenti seta’ jġarrab il-konsegwenzi diretti ta’ ‘infezzjoni ekwatorjali’.

Madankollu, x-xjenzati qed jgħidu li t-temperaturi aktar sħan u ż-żieda fix-xita (riżultati tal-bidliet kontinwi fil-klima) jistgħu jipprovdu l-kundizzjonijiet ideali għal dan in-nemus fir-Renju Unit; b’dan jgħodd speċjalment għaz-zoni lejn in-Nofsinar tal-Ingilterra.