Il-Ministru Konrad Mizzi jibqa’ jirrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet parlamentari li ilhom isirulu tliet xhur
Wara li l-Ministru Konrad Mizzi kien ċaħad fil-Parlament li l-Avukat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kien siefer miegħu ċ-Ċina, il-Ministru Mizzi baqa’ ma jweġibx mistoqsijiet ċari dwar meta dan l-Avukat tal-Korporazzjoni siefer fuq xogħol, fejn mar, f’liema dati siefer u x’kien l-iskop ta’ kull żjara li għamel.
Il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi ilu aktar minn tliet xhur jirrifjuta u jaħrab milli jwieġeb mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista George Pullicino dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’rabta ma’ safar u mal-kariga tal-Avukat tal-Korporazzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista ilu mill-bidu ta’ Diċembru tas-sena l-oħra jistaqsi dwar safar ta’ uffiċjali għolja tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li siefru fix-xahrejn ta’ qabel – jiġifieri fix-xhur ta’ Ottubru u Novembru tas-sena li għaddiet.
L-ewwel mistoqsija tressqet fit-2 ta’ Diċembru li għadda lill-Ministru Konrad Mizzi, bid-Deputat Nazzjonalista jitlob informazzjoni dwar l-uffiċjali tal-Korporazzjoni li siefru fix-xahrejn ta’ qabel. Dakinhar ukoll il-Ministru Konrad Mizzzi kien mitlub jgħid fejn siefru l-uffiċjali tal-Korporazzjoni, f’liema data u r-raġuni ta’ kull safra marbuta ma’ xogħol.
Il-Ministru Mizzi wieġeb fid-9 ta’ Diċembru meta kien biss qal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar.
Xahar u nofs wara, lejn l-aħħar ta’ Jannar, George Pullicino talab lill-stess Ministru jwieġeb il-mistoqsija li kien għamillu dwar is-safar tal-uffiċjali tal-Korporazzjoni.
Fil-bidu ta’ Frar, il-Ministru Mizzi għoġbu li jagħti biss in-numru ta’ safar li sar, sitta b’kollox. Waħda minn dawn iż-żjarat tal-uffiċjali għolja tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet fiċ-Ċina, biż-żjarat l-oħrajn ikunu fil-Greċja, darbtejn fl-Italja, fi Brussell u f’Iżrael.
Kien qal ukoll dakinhar li s-safar saru miċ-Chairman Eżekuttiv, Senior Professional, Diretturi Eżekuttivi u Manager, bil-Ministru Konrad Mizzi ma jagħtix id-dettalji mitluba dwar min kienu l-uffiċjali, f’liema dati siefru u dwar x’kien l-iskop taż-żjarat f’dawn il-pajjiżi.
Quddiem dan il-ħabi ta’ informazzjoni u n-nuqqas ta’ trasparenza, id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino reġa’ talab lill-Ministru Mizzi jwieġeb il-mistoqsijiet li ħarab minnhom u jgħid f’kull każ ta’ safar, min siefer, inkluż l-ismijiet tal-uffiċjali, id-dati, id-destinazzjoni u r-raġuni tas-safra, każ b’każ.
Il-Ministru Konrad Mizzi għal darb’oħra din il-ġimgħa ħarab minn mistoqsijiet li ilhom isirulu għal dawn l-aħħar tliet xhur u reġa’ rrepeta l-informazzjoni li kien diġà ta dwar il-pajjiżi li żaru, u żied biss li ż-żjarat kienu jvarjaw bejn konferenzi, programmi tal-Ewropa, u proġetti.
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino fil-Parlament kien ikkritika l-mod kif il-Ministru Konrad Mizzi qed iwieġeb u jaħrab mill-mistoqsijiet. Kien staqsih ukoll x’kien l-iskop li l-Ministru Konrad Mizzi kien ħa ċ-Ċina lill-Avukat Young miegħu, l-Avukat tal-Korporazzjoni, u kien staqsih jekk hux qed jikkontempla li jbigħ ukoll il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Għal dawn il-mistoqsijiet u rrimarki, il-Ministru Konrad Mizzi kien ċaħad li l-Avukat Young kien siefer miegħu.
Quddiem dawn il-mistoqsijiet u l-mod kif kienu mwieġba, il-Ministru Konrad Mizzi baqa’ ma jgħidx meta l-Avukat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma siefer fuq xogħol, fejn mar, f’liema dati siefer u x’kien l-iskop ta’ kull żjara li għamel.
Il-Ministru Konrad Mizzi wkoll fil-perjodu msemmi kien għamel żjara uffiċjali fiċ-Ċina.