L-Oppożizzjoni se titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-proċess u l-kriterji li fuqhom tqassam fond ta’ miljun ewro lil numru ta’ kunsilli lokali.
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, li hu wkoll Kelliem għall-Gvern Lokali, Żgħażagħ u Sport, fisser fil-Parlament li fid-dawl tat-tħassib u l-kritika li saret minn diversi kunsilli lokali għall-mod kif tqassmu l-fondi lill-kunsilli lokali u għall-mod kif tmexxa l-proċess, l-Oppożizzjoni se tkun qed titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-proċess li sar mill-Ministeru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali.
L-Oppożizzjoni temmen li jista’ jkun il-każ li kien hemm nuqqas ta’ trasperenza, inġustizzja u nuqqas ta’ tmexxija għaqlija quddiem il-kritika li saret u l-appelli li saru, fost l-oħrajn mill-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali.
L-Assoċjazzjoni fissret li x-xogħol tas-Segretarji Eżekuttivi sar aktar diffiċli, u li minkejja li l-iskema li kellha l-intenzjoni biex il-Kunsilli Lokali jwettqu proġetti kbar, il-fondi li ngħataw kienu relattivament żgħar. Kien hemm ukoll kunsill lokali li ngħata għajnuna ta’ €20,000 għal proġett partikolari, u kunsill lokali ieħor li applika għal proġett simili ma ngħata ebda fondi u għajnuna.
Irrimarka wkoll li minkejja li appellaw numru ta’ Kunsilli Lokali, u minkejja li ngħataw għaxart ijiem żmien biex iressqu l-appell tagħhom, fl-istess ġurnata xorta tqassmu l-fondi bil-mod kif kienu allokati.
David Agius kien qiegħed jitkellem fl-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta l-Miżuri tal-Estimi tal-Baġit li jdaħħal fis-seħħ 400 taxxa b’żieda fil-ħlasijiet tas-servizzi offruti mid-dipartimenti tal-Gvern.
David Agius appella biex il-Gvern, mill-flus aktar li se jkun qed jiġbor mit-taxxi tal-poplu, jagħti aktar fondi lill-Kunsilli Lokali. Appella wkoll lill-Gvern jagħti widen għall-proposti li ilha tressaq l-Oppożizzjoni, fost l-oħrajn biex il-VAT li jħallsu l-Kunsilli Lokali lill-Gvern jibqgħu f’idejn il-Kunsilli Lokali biex isaħħu l-ħidma tagħhom fil-lokalitajiet fuq proġetti u inzjattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Id-dibattitu għalaq illejla stess, b’diskorsi wkoll tal-Prim Ministru u tal-Ministru tal-Finanzi, bil-Prim Ministru jiftaħar bil-Baġit iżda ma jirriferi għall-ebda taxxa mill-400 taxxa li l-Gvern qiegħed idaħħal b’ħafna piżijiet fuq il-poplu.
//= $special ?>