Issa spiċċaw barra mill-Pulizija u mingħajr l-impjieg li kellhom qabel
Seba’ pulizija rtirati li kienu reġgħu ddaħħlu mill-ġdid fil-Korp kemm ilu fil-Gvern il-Partit Laburista spiċċaw tkeċċew wara li qalulhom li l-kuntratt tax-xogħol tagħhom mhux se jiġġedded.
L-unika raġuni li ngħataw kienet għax għalqu l-età ta’ 60 sena. Dan wassal għal rabja kbira, bis-seba’ persuni jmorru jipprotestaw kontra d-deċiżjoni mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
‘In-Nazzjon’ tinsab infurmata li l-argument ta’ dawn is-seba’ vittmi tal-Gvern kien li huma kienu telqu mill-impjieg li kellhom mas-settur privat minħabba l-wegħdiet li kienu sarulhom minn nies qrib il-Partit Laburista li se jiddaħħlu mill-ġdid fil-Korp.
B‘hekk, issa mhux biss spiċċaw barra mill-Korp, imma se jispiċċaw mingħajr xogħol għax tilfu saħanistra dak li kellhom qabel. B’dawn is-seba’ persuni jinsabu nkwetati ferm li mhux se jkun possibbli għalihom li jsibu impjieg ġdid ta’ dik l-età.
F’Diċembru li għadda, fil-Parlament irriżulta li kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern, saħansitra ddaħħlu lura fil-Korp żewġ Pulizija li għandhom bejn is-70 u t–80 sena. Kien irriżulta wkoll li 63 persuna oħra ddaħħlu lura fil-Korp minkejja li kellhom bejn 55 u 65 sena.
Issa, wara li semgħu b’dak li ġara lil dawn is-seba’ persuni li tkeċċew, pulizija rtirati minn fost dawk li ddaħħlu lura kemm ilu fil-Gvern il-Partit Laburista u li qed joqorbu għas-sittin sena jinsabu mħassbin dwar il-futur tagħhom fil-Korp.
Minn informazzjoni li għandu dan il-ġurnal jirriżulta wkoll li dawn qed jintalbu jieħdu l-leave li fadlilhom għax mhux magħruf jekk hux se jiġġeddilhom il-kuntratt.
//= $special ?>