Lokali

Rapport tal-MHRA juri xejriet pożittivi fit-Turiżmu

Malta tibqa’ għaddejja bix-xejriet pożittivi fit-Turiżmu, bir-raba’ kwart tal-2014 tkun irreġistrata żieda ta’ 2.5%, żieda ta’ 4.4% fl-iljieli li t-turisti jgħaddu Malta, żieda ta’ 3.3% fl-infieq tat-turisti f’Malta u żieda ta’ 1.8% fin-numru ta’ ġranet li t-turisti għaddew f’Malta.

Dan jirriżulta minn stħarriġ tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti Maltin (MHRA), li juri wkoll kif fuq bażi ta’ sena, is-suq Ingliż jibqa’ jiddomina. Warajh hemm dak Taljan, Ġermaniż, Franċiż u Skandinavu. Fuq l-2013, fl-2014 is-suq Ingliż irreġistra żieda ta’ 7.3%, is-suq Taljan b’żieda ta’ 12.3% u s-suq Franċiż b’żieda ta’ 7.7%. Is-suq Ġermaniż irreġistra tnaqqis ta’ 2.8%, filwaqt li s-suq Spanjol naqas b’20.6%.

Mill-istħarriġ tal-MHRA irriżulta wkoll li fl-2014 waslu Malta kważi 1.7 miljun turist.