Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal footballer Niġerjan ta’ St. George’s li nqabad b’passaport falz

Niġerjan, Ita Francis, li għamel perjodu jilgħab mat-team tal-ewwel diviżjoni lokali St. George’s, ġie kkundannat mill-Maġistrat Neville Camilleri sena ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li pprova jitlaq minn Malta b’passaport falz.

Francis, ta’ 24 sena, lagħab diversi partiti dan l-istaġun mat-team Bormliż fejn kellu prestazzjonijiet ukoll tajba, fosthom kontra l-leaders St. Andrews u Gudja, peress li ma wasalx mat-team tiegħu biex jiffirma kuntratt li jorbtu sa tmiem l-istaġun.

Il-player, li huwa attakkant, ipprova jitlaq lejn l-Italja biex isib impjieg f’dan il-pajjiż iżda l-uffiċjali tad-Dwana nnutaw li l-passaport ma kienx wieħed oriġinali u għalhekk twaqqaf mill-persuni tas-sigurtà, bil-każ jispiċċa jgħaddi f’idejn il-Pulizija li ressqitu l-Qorti.

Fuqu kellu dokument u passaport Taljan, li t-tnejn irriżultaw li kienu foloz. Għall-imputat deher l-avukat Noel Bartolo.