Qorti

Sentenza sospiża għal tliet Rumeni fuq għadd ta’ serqiet

Tliet Rumeni ngħataw sentenza sospiża mill-Maġistrat Neville Camilleri wara li ammettew li wettqu numru ta’ serqiet bejn it-13 u l-21 ta’ Marzu li għadda.

Teodor Iulian Mancea, ta’ 24 sena, Iulian Chermenschi, ta’ 28 sena, u Barbu Costica, ta’ 36 sena, ammettew li nhar is-Sibt li għadda serqu diversi fwejjaħ mill-ħanut “Roseberry” li jinsab fil-Belt Valletta għad-dannu ta’ Alkida Rama. L-istorja kienet żvelata il-Ħadd fuq maltarightnow.com

Ammettew ukoll li fit-13 ta’ Marzu għall-ħabta tal-4.25pm serqu xi fwieħa minn “El Medina Pharmacy” fil-Qawra għad-dannu ta’ Philip Muscat. Ftit wara li saret is-serqa, Muscat ippubblika filmat tas-CCTV fuq il-mezzi soċjali fejn talab l-għajnuna tal-pubbliku biex il-persuni jiġu identifikati.

Mancea ammetta ukoll li fis-17 ta’ Marzu, għall-ħabta tat-7.45pm, seraq mobile għad-dannu ta’ Luanne Galea. Mancea ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin filwaqt li Chermenschi u Costica kienu ikkundannati għal 18-il xhar ħabs sospiżi għal tliet snin.

L-Ispettur Pricilla Caruana mexxiet il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Robert Montalto deher għal Costica u l-Avukat Noel Bartolo deher għal Mancea u Chermenschi.