Il-Partit UMP taċ-Ċentru-Lemin u l-alleati tiegħu ħarġu l-aħjar fl-ewwel round tal-elezzjonijiet lokali; bil-Kap tal-UMP, Nicolas Sarkozy, eks-President ta’ Franza, isostni li r-riżultat ‘jindika l-ħerqa tal-poplu għal bidla fit-tmexxija’.
L-aħħar indikazzjonijiet kienu li l-UMP kisbu mat-30 fil-mija tal-appoġġ popolari, bil-Front Nazzjonali estremista tal-Lemin jispiċċa t-tieni b’xi 25 fil-mija tal-vot.
Intant, is-Soċjalisti fil-Gvern tal-President Franċiż, Francois Hollande, reġgħu ddiżappuntaw u spiċċaw it-tielet, b’21 fil-mija tal-appoġġ.
Is-Soċjalisti ta’ Hollande, fix-xhur ta’ qabel, kienu ġarrbu telfiet sostanzjali fl-elezzjonijiet muniċipali u tal-Unjoni Ewropea u l-aħħar riżultati jindikaw li huma qed jitilfu dejjem aktar mill-appoġġ li kellhom.
L-elettorat Franċiż, din id-darba, qed jeleġġi r-rappreżentanti f’101 distrett u fejn, bħala kwistjonijiet, qed jispikkaw kunċetti bħall-iskejjel u l-ġid soċjali.
L-aħħar riżultati, fl-istess ħin, ifissru li fit-tieni round tal-elezzjonijiet, li se jsiru nhar il-Ħadd, għandu jispikka l-konfront dirett bejn il-UMP u l-Front Nazzjonali ta’ Marine Le Pen f’numru ta’ kostitwenzi importanti.
Min-naħa tiegħu, Sarkozy qal li l-kundizzjonijiet qegħdin hemm għal ‘swing’ qawwi favur il-Lemin u l-politika taċ-Ċentru.
Suċċess għal Sarkozy
