Il-militar Amerikan ħeġġeġ il-‘viġilanza’ wara allegazzjonijiet li t-terroristi tal-ISIS użaw l-Internet biex iwasslu theddida lil xi 100 membru tal-istaff militari Amerikan. Mifhum li lista ta’ ismijiet u indirizzi nbagħtu fuq websajt li hu assoċjat mal-ISIS, flimkien ma’ messaġġ li jsejjaħ għall-qtil tal-istaff militari.
Kelliema għall-Pentagon, intant, qalu li t-theddida ma kenitx verifikata u li kellhom isiru l-investigazzjonjiet relatati.
Grupp ta’ persuni li qalu li għandhom il-konnessjonijiet mal-ISIS sostnew li kienu kisbu l-informazzjoni personali dwar l-istaff militari permezz tal-hackers li ħadu d-data direttament minn diversi servers u databases.
Madankollu, uffiċjali Amerikani qalu li ħafna mid-data kienet disposta għall-pubbliku u li ‘qed isiru l-kuntatti mas-suldati li allegatament jinkwadraw fit-theddid tal-ISIS’.
Il-messaġġ li jingħad li ġej ‘direttament mill-ISIS’ iħeġġeġ biex is-sostenituri tat-terroristi fl-Istati Uniti ‘jagħmlu l-aħħar pass u jieħdu ħsieb il-membri tal-istaff (militari) li isimhom qed jidher fuq il-lista.’
Tħassib għal dak li qed jitpoġġa mill-militar fuq l-Internet
