Il-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, qed iżur il-Ġermanja għall-ewwel darba mindu laħaq fil-kariga u l-programm tiegħu jinkludi laqgħat mal-Kanċillier Angela Merkel. Iż-żjara qed titqies bħala sinifikanti hekk kif il-Greċja, li tinsab mifnija bid-dejn, u l-Ġermanja, bħala l-kreditur ewlieni tagħha, iridu jwasslu għal titjib fir-relazzjonijiet bilaterali wara ġimgħat ta’ tensjoni.
Il-ġimgħa l-oħra, Merkel u l-Mexxejja l-oħra tal-Ewropa qalu li jeħtieġ li Tsipras jippreżenta malajr programm għall-qtugħ fil-baġit tal-Greċja u li jinkludi wkoll iż-żidiet fit-taxxa, biex pajjiżu jkun jista’ jikseb il-fondi tal-emerġenza skont il-patt għall-bailout.
Madankollu, Merkel imminimizzat il-possibbiltà li Tsipras ‘jipproduċi’ l-miżuri proprji waqt il-laqgħa ta’ bejniethom u sostniet li dan mhux iż-żmien li l-Mexxej Grieg jippreżenta lista bir-riformi proposti. Fil-fatt, il-Kanċillier għamlitha ċara li l-Greċja għandha tressaq il-proposti lill-ispetturi tad-dejn internazzjonali u mhux lil pajjiżha.
Sadanittant, il-Kummissjoni Ewropea, ilbieraħ, ħeġġet biex il-Greċja ‘tassew’ tieħu azzjoni, meta trid tara l-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi li jistgħu jiftħu għal aktar self lil Ateni. Dan waqt li Brussell qed itenni li ‘r-rieda politika, filwaqt li qawwija, mhix biżżejjed f’dan l-istadju delikat’.
Min-naħa tiegħu, il-kelliem għall-Kummissjoni, Margaritis Schinas, qal li qegħdin jistennew il-lista tar-riformi li l-awtoritajiet Griegi impenjaw ruħhom biex jippreżentaw fi kwistjoni ta’ jiem.
Żjara ta’ Tsipras fil-Ġermanja f’atmosfera ta’ tensjoni
