Internazzjonali

Angelina Jolie għaddiet minn aktar kirurġija kontra l-kanċer

L-attriċi Amerikana Angelina Jolie żvelat li l-ġimgħa l-oħra kellha tgħaddi minn aktar kirurġija bħala miżura preventiva kontra l-kanċer.

Jolie kitbet artiklu fin-New York Times u fih spjegat li tneħħewlha l-ovarji waqt l-intervent u li kellha mal-50 fil-mija ċans li tiżviluppa kanċer f’dik il-parti ta’ ġisimha kaġun ta’ ġene partikulari.

L-attriċi, li ommha kienet mietet bil-kanċer, sentejn ilu, kienet neħħiet sidirha permezz ta’ kirurġija speċifika u bħala miżura preventiva oħra kontra l-marda.

Intant, Jolie, li hi miżżewġa lill-attur Brad Pitt, iddeċidiet li tagħmel l-aħħar kirurġija wara li sarilha check-up ftit tal-ġimgħat ilu.

L-attriċi qalet li filwaqt li dawn mhumiex deċiżjonijiet faċli hu possibbli li persuna tieħu l-kontroll tas-sitwazzjoni u tikkonfronta direttament kwalunkwe problema u theddida għas-saħħa.

Jolie, permezz tal-artiklu bl-isem ‘Angelina Jolie Pitt: Diary of a Surgery’, sostniet li test tad-demm li għamlet kien indikalha elementi li setgħu kienu sinjali bikrija tal-kanċer u minn dak il-ħin imxiet mal-parir biex tmur tara kirurgu immedjatament.

Angelina Jolie għaddiet minn aktar testijiet li żvelaw li hi ma kellhiex tumur iżda – wara l-konsultazzjonijiet mat-tobba – iddeċidiet li tneħħi l-ovarji permezz ta’ kirurġija apposta.