Lokali Parlament Saħħa

Appell għat-trasparenza, ċarezza u onestà fis-settur tas-saħħa

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg appellat lill-Gvern ikun ċar, trasparenti u onest għaliex s’issa ma kienx dwar il-pjani li ħabbar għas-settur tas-saħħa.

Meta tkellmet fil-Parlament, Claudette Buttigieg appellat lill-Gvern jiċċara l-pożizzjoni tiegħu dwar il-pjani għas-settur tas-saħħa anke fid-dawl ta’ stejjer li kienu ppubblikati fil-media li qajmu aktar mistoqsijiet milli tweġibiet. Fost l-istejjer li semmiet irriferiet għal possibbiltà li mhux biss ikun hemm investituri Amerikani biex imexxu ċertu sptarijiet, iżda wkoll li dan il-ħsieb jibqa’ miexi wkoll fuq it-tmexxija tal-Isptar Mater Dei.

Il-Ministru Konrad Mizzi ma jgawdix reputazzjoni tajba dwar dak li jħabbar
Fissret li l-Oppożizzjoni mhix qed tgħid li hi kontra xi investiment mis-settur privat fil-qasam tas-saħħa, għaliex kien il-PN li fetaħ il-bibien lis-settur privat fis-servizzi tas-saħħa u ma keċċiex lit-tobba mill-pajjiż.

Irrimarkat li r-reputazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi, anke b’rabta ma’ dak li ħabbar għas-settur tas-saħħa, mhix waħda li tgawdi xi reputazzjoni tajba meta wieħed jiftakar fil-wegħda li ma żammx tal-power station ġdida li suppost inbniet diġà f’Delimara u llum lanqas ġebla waħda għad m’hemm wara sentejn.

L-Għawdxin mhu se jgawdu xejn
Tkellmet ukoll dwar il-pjan imħabbar għal Għawdex u fissret li skont kif ġie rappurtat, l-Għawdxin mhu se jgawdu xejn bħala sodod u servizzi, għaliex se jkun hemm 125 sodod lill-privat u 125 għas-settur pubbliku, għall-Gvern.

Staqsiet ukoll lill-Gvern jispjega aktar dwar dak li hu pjanat għall-qasam tas-settur tal-ġerjatrija u appellat biex dwar dan ukoll il-Gvern ikun ċar ħafna. Talbet lill-Gvern ifisser il-pjan għal Sptar għall-Ġerjatrja, jekk hux sptar għall-kura tal-anzjani jew sptar li jipprovdi kura fit-tul lill-anzjani u speċjalizzata.

Dwar il-proġett għall-Isptar San Luqa, Claudette Buttigieg qalet li ġie rappurtat li t-80 sodda fl-Isptar Katren Grech se jimxu għall-Isptar f’San Luqa. Staqsiet jekk Karen Grech hux se jkun l-Isptar tal-Ġerjatrija u s-sodod f’San Luqa hux se jkunu kollha privati.

Ħaddiema mħassba
Filwaqt li saħqet mill-ġdid li mhix qed tikkritika l-proġetti u l-investimenti, irrimarkat li xejn mhu ċar, tant li ħaddiema fis-settur tas-saħħa qed jinkwetaw għaliex ma jafux x’se jiġri minnhom. Fissret li biex toħloq il-pjan li qed jitkellem dwaru l-Gvern fis-settur privat, jinħtieġu 200 tabib ieħor, mal-500 infermiera oħra, u mijiet ta’ professjonisti oħrajn fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa.

Il-ftehim ma’ Barts mhux dwar investiment iżda biex tinfetaħ skola għal 60 student
Irrimarkat ukoll li l-ftehim iffirmat ma’ Barts mhux dwar l-investiment mal-privat iżda ftehim biex Barts jiftħu skola medika f’Malta għal 60 student – żewġ klassijiet u mhux kampus.

Fissret li l-esiġenzi jistgħu jitolbu ħafna aktar minn dak li tkellem dwaru l-Gvern. Wara sentejn l-istudenti jridu jipprattikaw fi sptar u staqsiet jekk dawn l-istudenti tobba hux se jkunu qed jipprattikaw f’St Lukes, jew fl-isptar f’Għawdex, jew hemmx posisbbiltà li mal-istudenti Maltin tal-Mediċina li huma numerużi, il-pazjenti Maltin iridu jiġu invistati wkoll mill-istudenti ta’ Barts.

L-istudenti Maltin ma jridux li tintmiss l-Iskola tal-Mediċina
Fakkret lill-Gvern li l-istudenti tal-mediċina wasslu messaġġ ċar lill-Gvern – dak li jaqblu mal-pjan sakemm ma tintmissx l-iskola Medika u li ma jkunx hemm invażjoni ta’ tobba mill-istudenti barranin.

Fakkret li għall-Iskola Medika Maltija, Gvern Nazzjonalista kien għamel ftehim ma’ Fondazzjon rinomata fir-Renju Unit biex tobba li qed jispeċjalizzaw jibqgħu jistudjaw fMalta iżda b’ċertifikat mill-Università barranija mir-Renju Unit.

L-eks-Ministru Godfrey Farrugia tħalla barra
Irrimarkat ukoll li dakinhar li l-Gvern u l-Ministri numerużi tiegħu ffirmaw il-ftehim mal-università ta’ Barts, fl-ebda ħin ma kien hemm l-eks-Ministru għas-Saħħa Godfrey Farrugia – il-persuna li bdiet il-kuntatti ta’ dan il-Gvern ma’ Barts.

Dwar il-pjan tal-Gvern li qal li għandu għal Għawdex, staqsiet jekk hux se jitwaqqa’ l-isptar eżistenti u jibnu ħdejh, jew hux se jinbena fuq il-bini eżistenti. Staqsiet ukoll x’inhu l-pjan għall-Isptar f’San Luqa u kemm spazju se jintuża mill-bini eżistenti.

Stejjer ċari u mhux manipulazzjoni tal-fatti
Appellat lill-Gvern joħroġ bi stejjer ċari u mhux b’manipulazzjoni tal-fatti.