Kunsilli Lokali Lokali Parlament

Ebda titjiriet bl-irħis għal dawk li se jkunu qed jivvutaw kmieni fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Il-prezz tat-titjiriet irdoppja u mhux se jsiru titjiriet mil-Lussemburgu

L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-11 ta’ April li ġej se jkunu qed isiru f’xenarju differenti minn dak li dejjem sar, u b’aktar restrizzjonijiet għall-Maltin li jgħixu barra iżda li huma bi dritt tal-vot.

Tort ta’ deċiżjonijiet li ħa dan il-Gvern, mhux se jkun hemm titjiriet bl-irħis għal dawk li se jkunu qed jivvutaw kmieni bħalma kien hemm dejjem kemm ilu jeżisti l-early voting, il-prezz tat-titjiriet irdoppja għal €70; u wara ħafna snin mhux se jsiru titjiriet mil-Lussemburgu fejn hemm ħafna Maltin bid-dritt tal-vot.

Il-mod kif dan il-Gvern bidel ukoll il-prattika li dejjem intużat fir-rigward tad-dritt tal-Maltin li jgħixu barra bi dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet f’pajjiżna, kien ikkonfermat fi tweġibiet li taw fil-Parlament għal mistoqsijiet li għamel ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, kemm lill-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll lill-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.

Chris Said staqsa lill-Prim Ministru jgħid għaliex it-titjiriet sussidjati għal dawk li jridu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-11 ta’ April ma jkoprux il-votazzjoni ta’ ġimgħa qabel id-data tal-elezzjoni, bil-konsegwenza li dawk li jistgħu biss jivvutaw ġimgħa qabel mhux se jingħataw din l-opportunità, meta f’elezzjonijiet oħra din l-opportunità dejjem ingħatat.

Il-Prim Ministru ddefenda din id-deċiżjoni u waħħal fid-data li se tkun taħbat mal-perjodu tal-Għid. Il-Prim Ministru qal li ma kienx possibbli li dawn l-arranġamenti li dejjem saru, isiru din id-darba minħabba f’dak li sejjaħ bħala impatt negattiv li jista’ jkun hemm fuq it-turiżmu.

Mitlub jagħti raġunijiet għaliex it-titjiriet sussidjati għal dawk li jridu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-11 ta’ April qed jiġu offurti bi prezz ta’ €70 meta fl-aħħar elezzjonijiet dawn dejjem ġew offruti bi prezz ta’ €35, u dwar min ħa din id-deċiżjoni, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li d-deċiżjoni li l-prezz ikun €70 kienet ibbażata fuq il-prezzijiet attwali li hawn bħalissa fis-settur u fuq il-prinċipju li skont hu, il-prezz ikun attraenti.

Fil-Parlament, ix-Shadow Minister Chris Said staqsa wkoll lill-Gvern jispjega għaliex mhux se ssir titjira tal-Air Malta mil-Lussemburgu biex tkun ta’ servizz għan-numru ta’ Maltin li jaħdmu f’dan il-pajjiż u dan meta fl-aħħar elezzjonijiet dejjem ġie provdut dan is-servizz.

Il-Ministru Zammit Lewis ikkonferma li Maltin li jgħixu fil-Lussemburgu ma jistgħux itiru lejn Malta minn dan il-pajjiż għaliex titjiriet mil-Lussemburgu bħalisssa mhux qiegħdin fl-iskeda.

Il-Maltin issa jridu bilfors jużaw titjiriet skedati oħrajn tal-Air Malta minn ajruporti li qiegħdin f’pajjizi oħra.