Id-delitt ta’ Raymond Caruana f’Ħaż-Żebbuġ
Matul il-ġurnata tal-bieraħ il-Pulizija komplew għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar id-delitt ta’ Raymond Caruana ta’ 53 minn Ħaż-Żebbuġ li nqatel tard nhar il-Ġimgħa billejl biswit ir-razzett tiegħu f’zona mwarrba fl-inħawi ta’ San Blas.
L-investigaturi komplew jinterrogaw aktar persuni li b’xi mod jew ieħor jistgħu jgħinu fl-istħarriġ. Nifhmu fil-fatt li l-Pulizija tkellmu ma’ numru konsiderevoli ta’ persuni iżda meta wieħed jagħsar kollox ftit li xejn jidher li hemm materjal li jista’ jgħin biex jissolva dan it-tieni delitt ta’ din is-sena.
L-investigaturi qed ikomplu jsostnu li dan id-delitt mhuwiex wieħed iżolat, iżda jifforma parti minn katina ta’ delitti oħra li seħħew fl-aħħar snin u li tinkludi l-qtil ta’ Joseph Grech ‘Il-Yo Yo’, Joseph Cutajar ‘Il-Lion’, Kevin Gatt u Steve Zammit, Pawlu Degabriele ‘Is-Suldat’ u Jonathan Pace ‘Tyson Butcher’ kif ukoll ta’ Mario Camilleri ‘L-Imnieħru’ u ibnu, li kienu nqatlu flimkien.
Is-sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com komplew jgħidulna li dan hu delitt ieħor li qiegħed ikompli juri lill-Pulizija l-ġlieda ħarxa ħafna li teżisti bejn żewġ klannijiet ta’ kriminali, probabbilment direttament involuti fl-importazzjoni u t-traffikar tad-droga.
F’pajjiżna jidher li hawn minn tal-inqas żewġ klannijiet b’saħħithom li huma involuti fis-suq tad-droga u anki fl-organizzazzjoni ta’ kriminalità professjonali
Hu fatt magħruf li f’pajjiżna jidher li hawn minn tal-inqas żewġ klannijiet b’saħħithom li huma involuti fis-suq tad-droga u anki fl-organizzazzjoni ta’ kriminalità professjonali kif kellna fil-passat f’numru ta’ okkażjonijiet.
Jidher li l-persuni f’dawn iż-żewġt iċrieki huma antagonisti ħafna bl-ikrah lejn xulxin u minn żmien għal żmien jgħollu rashom u bl-aktar mod organizzat joqtlu membri opposti wara preparamenti sal-inqas dettall biex filwaqt li jwettqu l-ħsibijiet ta’ moħħhom, ma jħallu l-ebda traċċa warajhom.
Forsi l-ewwel lezzjoni f’dan ir-rigward kienet ingħatat snin ilu meta kien inqatel f’Tas-Sliema – għalkemm ma għandu l-ebda konnessjoni ma’ dawn id-delitti – Fathi Shaqhaqi. Dakinhar min kien wettaq dak id-delitt ma kien ħalla l-ebda traċċa fi qtil imħejji bl-aktar mod professjonali.
Filwaqt li l-investigaturi mhux jeskludu li l-qattiel hu barrani, madankollu tkompli tikber il-probabbiltà li min spara x-xita ta’ balal bil-Kalashnikov fil-fatt hu Malti
Fil-każ tal-qtil ta’ Raymond Caruana wkoll saru tħejjijiet dettaljati, inkluż ukoll kif inħarqet il-karozza possibbilment użata kif ukoll l-arma Kalashnikov li tispara balal tal-kalibru 7.62.
Kemm-il darba jirriżulta xjentifikament li fil-fatt fil-qtil ta’ Raymond Caruana ntużat l-arma misjuba f’Tal-Virtù, allura tkompli tippersisti l-mistoqsija dwar l-użu tal-Kalashnikov u kif dan sab ruħu fl-idejn.
Hemm min jgħid li dan seta’ ddaħħal Malta mil-Libja wara l-waqgħa tad-Dittatur Muhammar Qaddafi, iżda hemm min isostni li faċilment dan seta’ ddaħħal Malta mill-Balkani.
Investigaturi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com ilbieraħ sostnew li l-oriġini ta’ arma perikoluża bħal din diffiċli ħafna li tkun stabbilita, iżda mhu diffiċli xejn li armi perikolużi bħal dawn jiddaħħlu f’pajjiżna bil-baħar. Aktar u aktar għal gruppi ta’ kriminali bħal dawn li jkollhom miri preċiżi u jafu fejn iridu jaslu u xi jridu jolqtu biex jilħqu t-tragwardi tagħhom.
Sadattant ilbieraħ fil-Kamra Mortwarja kompliet l-awtopsja fuq il-katavru ta’ Raymond Caruana, li nstab li ntlaqat fatalment minn sitt balal li wħud minnhom ippenetrawlu l-ġisem tiegħu sal-punt li ħallewh minxur fl-art f’għadira demm.
//= $special ?>