Ineħħi għażla li kien ta Gvern Nazzjonalista li kienet taqbel lil ħafna nies
Il-Gvern baqa’ jirrifjuta fil-Parlament li jirrevedi u jaġġusta t-taxxa fuq il-proprjetà li ħabbar fil-Baġit, bl-appell tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco jibqa’ biex jekk ma jridx jisma’ mill-Oppożizzjoni, jisma’ l-vuċijiet tal-Kamra tal-Kummerċ, tal-Aġenziji tal-Proprjetà u mill-Kunsill Notarili.
Mario de Marco llejla appella fid-dibattitu fl-istadju ta’ Kumitat tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Estimi tal-Miżuri tal-Baġit, biex il-Gvern iżomm l-għażla li kien igawdi kulħadd fil-mod kif persuna kienet tiġi ntaxxata meta tinbiegħ proprjetà.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni spjega li l-Oppożizzjoni mhix kontra l-kunċett tal-Capital Gains Tax, iżda kontra li titneħħa l-għażla li wieħed jiġi ntaxxat biha – dik tal-Capital Gains Tax jew tal-Final Witholding Tax.
Taxxa anke jekk ikun qed isir telf
Ix-Shadow Minister għall-Finanzi spjega li l-proposta tal-Gvern u l-miżura li qiegħed iħabbar, hi taxxa ġdida fuq min ibigħ propjetà. Qed titneħħa l-għażla li titħallas taxxa fuq il-qligħ biss – għażla li kienet taqbel lil ħafna nies.
Taxxa li tfisser ukoll li għall-ewwel darba qed jiddaħħal il-kunċett fil-qasam tal-proprjetà li tħallas taxxa anke jekk tkun qed tagħmel telf jew meta ma tkunx qed tagħmel profitt.
Semma li l-appelli u l-kritika li ressqu l-Kamra tal-Kummerċ, il-Kunsill Notarili u l-Aġenziji tal-Proprjetà kienet ġustifikata. Ikkritika lill-Gvern li sema’ biss mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi li ħarġet waħeda favur din il-miżura.
Gvern li ma kkonsultax
Ikkritika lill-Gvern li ma kkonsultax mal-imsieħba fis-settur tal-proprjetà, u qal li s-suq jista’ jintlaqat ħażin. Fisser li biex is-suq tal-proprjetà jagħmel is-suċċessi mixtieqa mill-ekonomija nazzjonali, ma jridx skossi kif qed jagħmel il-Gvern b’din il-miżura u bit-taxxa l-ġdida fuq il-proprjetà.
Wissa lill-Gvern bil-possibbiltà ta’ inflazzjoni artifiċjali biex ipatti għat-telf li jkun se jsir mill-bejgħ tal-proprjetà.
Gvern Nazzjonalista kien sema’ mill-imsieħba fis-settur tal-proprjetà
Mario de Marco fakkar lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li kontra ta’ dak li qiegħed jagħmel illum Gvern Laburista, Gvern Nazzjonalista kien sema’ mill-imsieħba fis-settur u kien introduċa l-għażla li ntlaqgħet b’mod pożittiv u li minnha l-pajjiż u s-settur tal-prorpjetà kien baqa’ jgawdi iżda li llum qed jintilef.
Ir-risposta tal-Ministru tal-Finanzi kienet indifferenti għall-appelli tal-Oppożizzjoni, bil-Gvern jiddefendi din il-miżura billi jgħid li se jibqa’ jdaħħal dak li jdaħħal illum mit-trasferimenti tal-poprjetà. Ċaħad li hi xi taxxa fuq il-proprjetà iżda qal li issa hemm rata ċara għal kulħadd.
Il-Gvern ma jistax iħalli l-għażla li għamel Gvern Nazzjonalista
Il-Ministru Edward Scicluna ddikjara li l-Gvern ma jistax iħalli l-għażla li għamel Gvern Nazzjonalista, u li l-Gvern sema’ iżda jispera li l-miżura tindera bħal kull taxxa oħra.
Filwaqt li qal li problemi li jistgħu jinqalgħu jiġu indirizzati fil-futur, il-Ministru tal-Finanzi qal li l-Gvern jemmen li dan hu l-aħjar pakkett li jrid iħaddem, bil-Ministru jressaq il-klawsola dwar din il-miżura għall-approvazzjoni, u japprovaha fl-istadju ta’ Kumitat.
Il-Parlament illum beda jiltaqa’ fs-2pm sad-9.30pm, kif se jerġa’ jitlaqqa’ għada l-Erbgħa biex tkompli d-diskussjoni fl-istadju ta’ Kumitat dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Miżuri tal-Baġit fosthom l-400 taxxa, li ma ħabbarx fid-diskors tal-Baġit, fuq is-servizzi li joffri l-Gvern, u li qed jgħollihom b’medja ta’ 10 fil-mija.
//= $special ?>