Il-Gvern se jibqa’ juża żgur sas-sena li ġejja l-Heavy Fuel Oil (HFO) fl-impjant tal-BWSC, li kien fissru bħala fabbrika tal-kanċer, minkejja l-wegħda li tant tanbar fuqha l-Prim Ministru Joseph Muscat fil-kampanja elettorali ta’ sentejn li kien se jwaqqaf mill-għada tal-elezzjoni l-użu tal-HFO.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi iddikjara fil-Parlament li l-Gvern se jibqa’ juża fl-impjant tal-BWSC, l-HFO żgur sas-sena d-dieħla.
Din id-dikjarazzjoni għamilha meta l-Prim Ministru Joseph Muscat talab lill-Ministru Mizzi jitkellem hu biex iwieġeb għal għadd ta’ mistoqsijiet li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil lill-Prim Ministru wara li kien għadu kif għamel stqarrija dwar il-konklużjonijiet tas-summit tal-UE li ltaqa’ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Is-summit iddiskuta fost l-oħrajn il-politika Ewropea dwar l-enerġija.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Oppożizzjoni tilqa’ l-iżviluppi li qed iseħħu fl-Unjoni dwar il-politika għall-enerġija u fisser dan bħala żvilupp importanti.
Il-proġett tal-interconnector ta’ Gvern Nazzjonalista kważi lest
L-Oppożizzjoni tinnota wkoll li l-proġett tal-interconnector issa kważi tlesta u llum kellha tkun il-ġurnata li fiha jibda jitħaddem, iżda nstabu xi ostakli. Staqsa lill-Prim Ministru jispjega u jgħid meta l-interconnector se jibda jitħaddem.
Filwaqt li irrimarka li kienet l-amministrazzjoni Nazzjonalista li bdiet dan il-proġett, u llum tilqa’ dan l-iżvilupp li qiegħed jitlesta, Simon Busuttil staqsa lill-Prim Ministru jispjega l-pjani tal-Gvern dwar l-użu tal-interconnector fis-suq Ewropew; kemm mill-kapaċità l-Gvern Malti se juża mill-interconnector, u dwar jekk hux qed isiru negozjati mal-UE dwar xiri tal-elettriku minn pajjiżna mill-Ewropa.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan hu importanti għall-poplu biex ikun jaf li dan l-investiment li qed jgħaqqad lil pajjiżna mas-sistema tal-enerġija Ewropea, ikun jista’ jiġi sfruttat sal-massimu tiegħu għaliex hu investiment importanti.
L-Oppożizzjoni titlob lill-PM jispjega meta se jwettaq il-wegħda li lanqas ma żżamm dwar l-HFO
Simon Busuttil semma wkoll li l-Gvern għadu ma waqqafx, kif wiegħed li kien se jagħmel sa mill-għada tal-elezzjoni, l-użu tal-HFO u jaqleb l-impjant tal-BWSC għad-diesel sakemm issir il-qalba għall-gass, għaliex skont il-Prim Ministru l-impjant tal-BWSC kien fabbrika tal-kanċer. Talab lill-Prim Ministru jgħid għaliex għadu ma waqqafx l-użu tal-HFO.
Talab ukoll lill-Gvern jaġġorna lill-Kamra dwar l-inċentivi li qed joffri lill-familji biex jużaw l-enerġija tax-xemx li tant hi abbundanti, bħalma hi wkoll l-enerġija mir-riħ.
Fakkar li kien hemm skemi diversi għall-enerġija solari u dik alternativa differenti mill-Gvern preċedenti u staqsa x’inhuma l-pjani tal-Gvern f’dan ir-rigward waqt li irrimarka li hawn ukoll f’dan is-settur, hawn nuqqas ta’ informazzjoni dwar dan is-suġġett.
Il-PM jgħid lill-Ministru Konrad Mizzi jwieġeb hu dwar l-HFO
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li għaddejjin it-testijiet fuq l-interconnector. Kien hemm xi diffikultajiet u li jaħseb li fadal ġimagħtejn sa tliet ġimgħat biex jibda jitħaddem b’mod sħiħ.
Joseph Muscat talab lill-Ministru Konrad Mizzi u lill-Ministru Leo Brincat jitkellmu huma dwar is-s-settur tal-enerġija u dwar l-enerġija alternattiva mir-riħ u x-xemx.
Il-Ministru Konrad Mizzi jammetti li l-interconnector hu importanti fil-pjani ta’ dan il-Gvern
Dwar l-użu tal-HFO u l-qalba għall-gass, il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-wegħda tal-Partit Laburista hi ċara u li s-sena d-dieħla l-HFO jispiċċa, ikun hemm ukoll it-tieni power station f’Delimara li se tkun stand-by u jkun qed jaħdem l-interconnector. Fisser ukoll li se toħroġ skema ġdida għall-enerġija alternattiva.
Dwar l-interconnector, il-Ministru Konrad Mizzi qal li sentejn ilu l-Gvern preżenti sab il-proġett li kien għadu kemm jibda u semma żball kbir li sar mill-konsulenti Taljani dwar ir-rotta li tbiddlet b’97 kilometru u li dan wassal għal aktar dewmien.
Il-Ministru Mizzi sejjaħ il-proġett tal-interconnector bħala importanti fl-istrateġija integrali tal-enerġija ta’ dan il-Gvern fil-mix li qed jagħmel fil-politika dwar l-enerġija.
//= $special ?>