Lokali Parlament

Il-PM ma kienx iebes biżżejjed fis-summit Ewropew

Il-Gvern għadu ma ssiħibx fil-koalizzjoni tal-UE kontra l-ISIS

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti kopja ta’ rapport ippubblikat fil-media dwar il-kummenti li ta l-Prim Ministru dwar is-summit tal-Kunsill Ewropew tal-ġimgħa l-oħra u kif dawn il-kummenti jippreżentaw deskrepanza kbira bejn dak li qal il-Prim Ministru lill-ġurnalisti, ma’ dak li kien diskuss u maqbul fis-summit Ewropew.

Simon Busuttil irrimarka wara li l-Prim Ministru għamel stqarrija fil-Parlament dwar is-summit Ewropew li tlaqqa’ fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, li l-Prim Ministru qal lill-ġurnalisti li l-Kunsill Ewropew qabel li jkun hemm azzjoni konkreta u diretta tal-UE fil-Libja. Ikkwota wkoll mir-rapport ippubblikat fil-media fejn il-Prim Ministru kien irrappurtat li qal li Malta kienet sodisfatta bl-impenn konkret tal-UE biex tintervjeni bi pjan ta’ azzjoni fil-Libja.

Simon Busuttil qal li hu kien preżenti wkoll għal-laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell, u segwa wkoll il-konklużjonijiet, iżda fisser li ma kien hemm ebda riferenza għal dak li qal il-Prim Ministru lill-ġurnalisti Maltin.

L-Oppożizzjoni dejjem appoġġjat lill-Gvern fuq il-Libja, iżda tistenna wkoll informazzjoni korretta għax il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fuq il-Libja huma diżappuntanti ħafna u kien jistenna lill-Prim Ministru jkun aktar iebes u jinsisti aktar għal azzjoni konkreta.

Fid-dawl taż-żjara li se jagħmel f’Malta l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, Simon Busuttil qal li kien ukoll jistenna lill-Prim Ministru jgħid x’se tkun l-aġenda tal-Gvern fit-taħditiet f’Malta, u fejn qed jippjana li jasal b’dawn it-taħditiet.

Il-Prim Ministru wieġeb billi ddefenda l-pożizzjoni li ħa li fil-fehma tiegħu, qal li l-konklużjonijiet tas-summit Ewropew kienu b’saħħithom u kif jintlaħaq ftehim fil-Libja, jidħlu fis-seħħ il-mekkaniżmi tal-Unjoni Ewropea.

Dwar iż-żjara f’Malta mill-President Donald Tusk, il-Prim Ministru qal li d-data għadha mhix konfermata u ma jkunx f’waqtu li jikkummenta dwar dan.

Il-Gvern għadu ma ssiħibx fil-koalizzjoni tal-UE kontra l-ISIS
Fid-dibattitu dwar is-summit Ewropew ħadu sehem ukoll il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin, Tonio Fenech.

Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech staqsa lill-Gvern jgħid jekk hux se jissieħeb fil-Koalizzjoni tal-UE kontra l-ISIS, bil-Ministru George Vella jwieġeb li l-Gvern għadu m’għamilx dan il-pass għaliex qal li l-Gvern qed jagħmel ħafna aktar milli qed isir minn din il-koalizzjoni u għalissa mhux se jkun qiegħed jissieħeb fil-koalizzjoni.