Il-prezz taż-żejt baqa’ taħt is-$56 il-barmil fost sinjali ta’ tnaqqis fl-iżvilupp taċ-Ċina. Fl-istess ħin, l-Arabja Sawdija qed tgħid li l-produzzjoni taż-żejt mill-artijiet tagħha avviċinat ir-rekord għal kull żmien.
L-attività fil-qasam tal-fabbriki, fiċ-Ċina, naqset matul dan ix-xahar, u l-aħħar indikazzjonijiet juru li l-attività tinsab taħt il-livell ta’ ħamsin punt li jissepara l-iżvilupp minn tnaqqis fil-produzzjoni.
L-indikazzjonijiet huma sinifikanti meta ċ-Ċina hi l-akbar importatur taż-żejt minbarra li hi t-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja.
L-aħħar data miċ-Ċina segwiet il-kummenti tal-Arabja Sawdija, li hi l-aktar pajjiż influwenti tal-OPEC (l-organizzazzjoni tal-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt), hekk kif żvelat li qed tiġġenera madwar 10 miljun barmil żejt mhux raffinat kuljum.
Din iċ-ċifra hi qrib ir-rekord assolut, minbarra li tindika produzzjoni ta’ 350,000 barmil żejt aktar, kuljum, miċ-ċifra li s-Sawdi kienu ppreżentaw lill-OPEC rigward il-produzzjoni taż-żejt għal Frar.
Il-prezzijiet taż-żejt naqsu bin-nofs minn Ġunju li għadda u waqt li kompla jikber is-‘surplus’ globali tal-provvisti tar-riżorsa.
Intant, is-suq taż-żejt mistenni jkun l-aktar dgħajjef bejn April u Ġunju, meta tibda tonqos aktar id-domanda għall-fuel li hi tipika għall-istaġun tax-xitwa.
//= $special ?>