Internazzjonali

Jibda l-ġuri dwar wieħed mill-akbar skandli tal-ikel fl-Ewropa

Negozjant tal-laħam beda għaddej ġuri, fl-Olanda, talli allegatament biegħ mat-300 tunnellata laħam taż-żiemel bħala ċanga. Dan il-każ qed jissemma bħala wieħed mill-akbar skandli tal-ikel li qatt seħħew fl-Ewropa.

In-negozjant (Olandiż) Willy Selten – li deher il-qorti f’Den Bosch – ċaħad li kellu l-intenzjoni li jimmanipula l-kunsinni taċ-ċanga mill-fabbrika tiegħu fil-belt ta’ Oss. Hu qed jiffaċċja l-akkużi li ffalsifika d-dokumenti relevanti.

Madwar 50,000 tunnellata laħam kienu rtirati minn diversi bnadi tal-Ewropa waqt il-‘Każ tal-Laħam taż-Żiemel’ tal-2013, li qajjem ansjetà sostanzjali fost il-konsumaturi.

Intant, il-kumpanija bl-isem Willy Selten BV (maż-żmien iddikjarata falluta) kienet suġġetta għal rejd mill-awtoritajiet Olandiżi responsabbli mis-sigurtà tal-ikel, bil-proprjetarju (Selten) jispiċċa arrestat.

Il-prosekuturi qed jallegaw li l-accounts ta’ din il-kumpanija juru li l-laħam taż-żiemel kien qed ikun ipproċessat bħala ‘ċanga’.