Lokali

Jibqgħu iħawwdu l-imħuħ dwar min se jinvesti €200 miljun

Minkejja li kien hemm konferma uffiċjali mill-istess Universita’ Ingliża, esponenti Laburista jibqgħu jinsistu li l-Universita’ Queen Mary ta’ Londra se tinvesti €200 miljun fl-Isptar u medical campus f’Għawdex.

Fi tweġib għal mistoqsijiet li bagħat in-Nazzjon, kelliem għall-Universita’ Queen Mary qal li Barts and The London School of Medicine and Dentistry, li hi fakulta’ tal-Universita’ Queen Mary, se tkun qed tipprovdi “l-esperjenza fil-qasam tas-saħħa u t-tagħlim.”

Il-kelliem kompla li l-investiment ta’ €200 miljun “ġejjin mill-privat permezz tal-Gvern Malti.”

Iżda mhux hekk qed jingħata x’jifhem minn esponenti Laburisti. Waqt id-dibattitu fuq Xarabank nhar il-Ġimgħa, is-Sindku Laburista tal-Qala Clint Camilleri ftaħar li l-investiment gej minn din l-universita’.

Anki l-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt intervista ilbieraħ fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, qal li dan l-investiment privat għad irid jigi wara li l-Gvern joħroġ sejha għal espressjoni ta’ interess.

Mhux ċar lanqas jekk is-somma ta’ €200 miljun li qed tissemma tinkludix ix-xogħol fl-Isptar San Luqa.