Lokali

Mill-Aħħar Ċena sal-Qawmien f’Ħal Balzan

Għal sena oħra l-Każin tal-Banda San Gabriel f’Ħal Balzan qed itella’ l-Wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa bit-tema Mill-Aħħar Ċena sal-Qawmien.

Fuq żewġ sulari, wieħed jista’ jsegwi mudell tal-faċċata tal-Każin waqt il-ħruġ tal-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm u vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-wirja tinkludi wkoll rakkont tal-Passjoni ta’ Kristu.

L-awtentiċita’ tal-post fejn tinsab l-aħħar ċena issa hija wkoll kompluta b’Ġesù mal-Appostli b’figuri ‘life size’ li joħolqu sitwazzjoni realistika għall-aħħar f’kantina antika.

Se jkun hemm ukoll ix-xena tal-Ort tal-Ġetsemani bil-figuri ‘life size wkoll’, diversi vestwarju tal-purċissjoni
tal-Ġimgħa l-Kbira, il-Portiku ta’ Pilatu, il-Qabar ta’ Kristu u fl-aħħarnett statwa ta’ Kristu Rxoxt ‘life size’.

Il-ftuħ uffiċċjali tal-Wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa “Mill-Aħħar Ċena sal-Qawmien” se jsir nhar l-Erbgħa 25 ta’ Marzu 2015. Iċ-ċerimonja tal-ftuħ se tibda fis-7.45 ta’ filgħaxija fi Pjazza Annunzjata, quddiem il-parti l-ġdida tal-Każin.

Il-wirja tiftaħ mill-Ħamis 26 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 3 t’April 2015. Fost il-ġimgħa bejn is-6pm u d-9pm u Sibtijiet u Ħdud bejn id-9am u nofsinhar u l-5pm u d-9pm. F’Ħamis ix-Xirka tiftaħ mill-5pm sa nofsillejl u fil-Ġimgha l-Kbira
mit-8am san-12.30pm.

Il-Ħadd 29 ta’ Marzu 2015 imbgħad ikun hemm il-Purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm li tibda fl-10.20am li toħroġ mill-Każin tal-Banda San Gabriel. Fil- Purċissjoni jieħdu sehem suldati Rumani, persunaġġi Bibbliċi, Ġesù bil-ħmara, tfal u l-Banda
tal-iScouts.

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-paġna ta’ Facebook ‘St. Gabriel Band Club Balzan A.D.1920 – VO/0127’.