Il-ftuħ mill-ġdid tal-Mużew ta’ Bardo għall-pubbliku li kellu jsir illum, f’Tunis, ġie pospost għal nhar il-Ħadd, minħabba li għad hemm tħassib dwar is-sigurtà.
Bħal-lum ġimgħa, dan il-mużew – wieħed mill-aktar magħrufa fit-Tuneżija – għadda minn sigħat ta’ terrur u dmija meta aggressuri armati daħlu fl-inħawi u mmassakraw numru ta’ barranin, li l-maġġoranza tagħhom kienu turisti mill-Ewropa.
L-aggressuri kienu nqatlu aktar tard mill-qawwiet tas-sigurta iżda l-aħħar rapporti rreferew għal ‘terrorista ieħor li għadu jiġri ħieles’ u li kien deher fuq il-kameras tas-sigurta fil-kumpless ta’ Bardo.
Intant, l-awtoritajiet ilbieraħ iddeċidew li kellha ssir biss ċerimonja simbolika fl-inħawi tal-mużew u l-membri tal-istampa biss setgħu jidħlu fil-mużew. Kien organizzat ukoll rally żgħir quddiem il-mużew.
Fl-istess ħin, numru ta’ tfal, flimkien ma’ ftit għexieren ta’ persuni ċivili u barranin, xorta marru fl-inħawi tal-Bardo, fejn ġabu magħhom kartelluni bil-messaġġ li ‘l-kultura hi neċessità tal-ħajja u mhux lussu’.
Dawn il-messaġġi jirriflettu s-sentimenti tat-Tuneżini li jemmnu li l-attakk ta’ ġimgħa ilu mill-militanti kien ukoll assalt fuq il-kultura, l-ideali u l-istil tal-ħajja tagħhom.
//= $special ?>