Isemmi biss 16 mill-20 persuna impjegati bħala persons of trust
Mill-20 persuna li l-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi qal li għandu impjegati fil-Minsteru tiegħu bħala persons of trust, semma biss fil-Parlament 16, u fosthom hemm impjieg ta’ PR & Marketing Manager, u impjieg ieħor ta’ fiduċja tal-Ministru li hu messaġġier u jagħmilha wkoll ta’ xufier.
Dan jirriżulta minn mistoqsijiet li għamel dan l-aħħar il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco, li fl-aħħar ġimgħat staqsa lill-Ministru Mizzi jipprovdi lista tal-persuni li ġew impjegati f’position of trust mid-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li hu jmexxi bejn id-9 ta’ Marzu 2013 sal-31 ta’ Jannar 2015.
Wara tliet mistoqsijiet li sarulu mill-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Konrad Mizzi qal biss li bħalissa hemm 20 persuna impjegati bħala persons of trust. Ma ta ebda dettalji aktar u ebda lista tal-pożizzjonijiet li ngħataw.
Għal mistoqsija oħra biex il-Ministru Konrad Mizzi jagħti l-lista li ma pprovdix meta kien qed iwieġeb il-mistoqsija, tal-karigi u l-pożizzjonijiet li ngħataw l-20 persuna li qal li impjega fuq il-mertu ta’ persons of trust, il-Ministru Mizzi ta lista ta’ 16 u mhux ta’ 20.
Il-pożizzjonijiet li ngħataw fil-lista ta’ 16 li ppreżenta fil-Parlament kienu ta’ Administrator; Communications & Stakeholder Coordinator; Coordinator; Customer Care Quality Assurance Executive; Customer Relations Executive; Decentralisation Industrial Relations; Energy Analyst; Financial Controller; PR & Marketing Manager; Legal Executive; Manager Corporate Services Customer; · Project Officer; · Personal Advisor to the Chairman HR; · Personal Assistant ; Officer; u Messenger/Driver.
//= $special ?>