Internazzjonali

Qattiela fl-Ażerbajġan ħaqqhom il-maħfra aktar mill-priġunieri politiċi

In-nuqqas tar-rispett għad-drittijiet umani fl-Ażerbajġan mill-ġdid qed iqanqal it-tħassib fost l-organizzazzjonijiet u l-membri tal-komunita internazzjonali.

L-aħħar kwistjoni preokkupanti, f’dan il-każ, tinvolvi digriet tal-maħfra li ħareġ il-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev, u meta d-digriet qed jidher bil-wisq aktar favorevoli għall-qattiela milli għall-priġunieri politiċi fil-pajjiż.

Mifhum li, taħt id-digriet, ingħataw il-maħfriet lil ftit aktar minn 100 ħabsi fl-Ażerbajġan. Madankollu, l-attivisti favur id-drittijiet umani qed jgħidu li l-awtoritajiet Ażeri bilkemm ikkunsidraw l-appelli tagħhom rigward il-priġunieri politiċi li baqgħu miżmuma fil-kumplessi ta’ ħabs.

L-ammont tal-priġunieri politiċi li setgħu gawdew minn maħfra jew xi forma ta’ amnestija fl-Ażerbajġan huma tassew negliġibbli. Dan meta Ilgam Mammadov, il-kap tal-moviment Ażeri REAL tal-Oppożizzjoni, għadu sallum miċħud mil-liberta u meta għadha pendenti deċiżjoni tal-Qorti Ewropea rigward l-istess Mammadov.

Fl-istess ħin, ir-rapporti qalu li fost dawk li gawdew mill-maħfra ta’ Aliyev hemm raġel li weħel il-ħabs għal għomru wara li kien qatel iben l-eks-Kap tad-distrett ta’ Shamkir, b’mara li kienet kompliċi f’dan id-delitt, ukoll tinħeles fuq deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell.