Hemm stennija kbira għal ktieb ġdid li se jkun is-‘sequel’ għall-awtobiografija ‘Long Walk to Freedom’ tal-mibki President tal-Afrika t’Isfel, Nelson Mandela.
Din l-awtobiografija inkitbet fl-1995 u s-‘sequel’ – li se jkun ippubblikat is-sena d-dieħla – jibbaża fuq ‘draft’ miktub bl-idejn u li kienu kkonkludew l-eks-konsulenti ta’ Mandela. Intant, kelliema għall-istampaturi Pan Macmillan qalu li l-ktieb ġdid għandu ‘jiddettalja d-diffikultajiet li (Mandela) kellu jiffaċċja bħala President,mingħajr ma jżomm xejn lura’.
Graca Machel, l-armla ta’ Mandela, qalet li l-eks-President Afrikan kien beda jaħdem fuq il-manuskritt fl-1998 u meta kien qrib li jtemm il-Presidenza tiegħu li damet għal ħames snin.
Skont hi, Nelson Mandela kien iqis il-ktieb li se joħroġ bħala ‘t-tkomplija tar-rakkont’ wara l-‘Long Walk to Freedom’ li jitratta l-ewwel snin ta’ ħajtu, minbarra t-taqbida politika kontra l-eks-reġim tal-apartheid fl-Afrika t’Isfel u s-27 sena priġunerija li hu kellu jiskonta.
Mandela, rebbieħ tan-Nobel għall-Paċi, jibqa’ mfakkar bħala vittma prinċipali tas-sistema tal-apartheid li eżistiet għal snin fl-Afrika t’Isfel. Wara li nħeles mill-ħabs, fl-1990, hu kien rebaħ l-elezzjonijiet miftuħin għal kulħadd li saru erba’ snin wara biex sar l-ewwel President iswed ta’ pajjiżu.
//= $special ?>