Daniel Xriha, il-kelliem tal-kampanja “IVA, Bħala Maltin u Ewropej”, fi stqarrija nnota kif il-kelliem ewlieni tal-kampnaja LE għall-kaċċa fir-rebbiegħa, Saviour Balzan, għadu jipprova jiċħad “fatti ddokumentati dwar is-sehem tiegħu fin-negozjati ta’ Malta mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa”.
Waqt li ppubblika silta mill-minuti ta’ laqgħa tal-4 t’April tal-2002, li fiha kien ħa sehem Saviour Balzan bħala rappreżentant ta’ Malta flimkien ma’ persuna oħra, il-kelliem qal li l-kampanja tal-LE ma baqgħalha ebda kredibilità għax id-dritt ta’ Malta li tapplika deroga ilu ċar minn snin qabel Malta ssieħbet fl-UE.
Il-kelliem tal-kampanja “IVA, Bħala Maltin u Ewropej” qal li fil-laqgħa t’April tal-2002, Saviour Balzan iddefenda l-fatt li żewġ speċi biss kienu se jibdew jiġu kkaċċjati fir-rebbiegħa u li għal din l-ispjegazzjoni, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea kien ikkonferma li Malta setgħet tapplika deroga li permezz tagħha setgħet issir kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-gamiem u s-summien biss.
Il-kelliem qal ukoll li fil-11 ta’ Lulju tal-istess sena, waqt l-istess negozjati, Saviour Balzan kien saħaq li l-passa tal-gamiem u s-summien fil-ħarifa kienet insinjifikanti u li l-waqfien tal-kaċċa fir-rebbiegħa kien ifisser it-tmiem tal-kaċċa f’Malta.
//= $special ?>