Lokali Parlament

Strajk tal-ġuħ fil-Ħabs ta’ Kordin

Fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin aktar kmieni dan ix-xahar seħħ strajk tal-ġuħ minn grupp ta’ residenti li rrifjutaw li jiġu trasferiti f’diviżjoni oħra tal-ħabs.

L-istrajk tal-ġuħ fil-Faċilità ta’ Kordin kien ikkonfermat mill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, meta fil-Parlament wieġeb diversi mistoqsijiet li saru mill-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami, li talab lill-Ministru jwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet b’rabta mal-istrajk u mat-talbiet li kienu qed iressqu r-residenti fil-Faċilità.

Istrajk tal-ġuħ beda fit-12 ta’ Marzu minn seba’ residenti. L-għada, fit-13 ta’ Marzu, tnejn mis-seba’ residenti waqfu l-istrajk filwaqt li fl-14 ta’ Marzu 2015, il-ħames residenti l-oħra waqfu l-istrajk tal-ġuħ ukoll.

Dawn ir-residenti rrifjutaw li jiġu trasferiti f’Diviżjoni 6 għal raġuni ta sigurtà, wara li rriżultaw fil-pożittiv għat-test tal-urina li sar ftit tal-jiem qabel, fit-12 ta’ Marzu.

Il-Ministru Abela qal li waqt dan l-istrajk tal-ġuħ ir-residenti kienu qed jiġu osservati mit-tim mediku tal-istess Faċilità, iżda ma ntlaqitx it-talba tagħhom u baqgħu miżmuma f’Diviżjoni 6.