Kunsilli Lokali Lokali

Telqa u żdingar f’San Pawl il-Baħar

Ir-residenti jbatu l-konsegwenzi ta’ Kunsill li ma ħadimx

Ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar illum, fi tmiem din il-leġiżlatura ta’ Kunsill Lokali mmexxi minn Sindku u maġġoranza Laburista, qed ibatu numru ta’ konsegwenzi ta’ Kunsill Lokali li ma ħadimx, u dan fid-diversi aspetti ta’ ħidma mistennija minn kunsill.

Minkejja l-ħafna wegħdi li kienu saru qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, is-Sindku Laburista naqas ħafna milli jilħaq il-miri mpoġġija quddiem ir-residenti li kellhom aspettattiva għolja dwar l-istess Kunsill.

Fil-verità issa li ninsabu fl-aħħar ġimgħat ta’ din il-leġiżlatura tal-Kunsilli Lokali, wieħed jista’ jara jekk il-wegħdi li kienu saru twettqux inkella le.

Tliet snin ilu kien hemm bosta attakki fuq toroq li kienu għadhom mhux lesti. Waħda minn dawn it-toroq kienet Triq is-Simar fix-Xemxija. Dak iż-żmien kien hemm kritika qawwija dwar il-fatt li t-triq ma kinetx ingħatat wiċċ ġdid. Kienet saret konferenza tal-aħbarijet fil-post minn uffiċjali tal-Partit Laburista u l-kandidati tiegħu għall-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

San Pawl il-Bahar hofor toroq

Issa, tliet snin wara, l-istess triq mhux talli ma saritx, imma talli kompliet titkisser u r-residenti li hemm fiha għadhom ibatu l-konsegwenzi ta’ din it-triq ħażina.

Mhumiex biss ir-residenti ta’ din it-triq li qed ibatu għaliex minħabba l-istat ħażin tagħha, ir-residenti tat-toroq li jidħlu fiha wkoll qed jiġu effettwati.

Minbarra f’dan, wara tliet snin, issa anki l-parti tat-triq li kienet asfaltata tinsab fi stat ħażin ħafna, u dan minħabba l-fatt li din il-parti wkoll ġiet traskurata. Sfortunatament, ir-residenti għadhom ibatu minħabba nuqqas ta’ ħeġġa mill-Kunsill biex jieħu ħsieb il-parti li kienet asfaltata, u minħabba li l-istess Kunsill bi tmexxija Laburista ftit li xejn għamel pressjoni biex il-parti tat-triq li ma kinetx lesta fil-fatt titlesta minn Transport Malta.

B’hekk numru sostanzjali ta’ persuni li joqogħdu f’din it-triq u fil-madwar għadhom bi problemi serji biex jidħlu fi djarhom.
Fl-istess inħawi tax-Xemxija, fi Triq Dawret in-Nawfraġju, wieħed jista’ jgħid li hemm diżastru ieħor. F’din it-triq, li tinsab mibnija fuq boathouses li jiġu ħdejn il-baħar, il-wiċċ tat-triq hu wieħed ħażin ħafna, u minkejja l-ħafna wegħdi li kien hemm, kważi qatt ma sar xejn, ukoll jekk issa, f’dawn il-jiem, qed isir xi forma ta’ patching li żgur mhux se jservi fit-tul.

Minbarra dawn, tajjeb wieħed ifakkar f’parti minn Triq Jean de la Cassiere, int u dieħel San Pawl il-Baħar. Minkejja li Transport Malta bdiet tagħmel xi xogħol fuq din it-triq, wara xhur sħaħ li nbeda x-xogħol, l-istess parti tat-triq li ma fihiex iktar minn mitt metru, mhux talli ma tlestietx imma talli llum, fejn inqala’, jinsab fi stat diżastruż.

L-aċċess għal din it-triq illum jifforma parti minn għadira ilma u ħafna ħama, li fiha mhux darba jew tnejn weħlu l-karozzi. Biex bħal donnu jgħattu l-periklu, issa f’dan il-post twaħħlet biċċa tape tal-Pulizija, li żgur mhix soluzzjoni għall-problema li nħolqot.

San Pawl il-Bahar hofor toroq

“Minn triq mhux asfaltata issa spiċċajna bi triq perikoluża. Dan hu t-tip ta’ progress li seħħ fil-qasam tat-toroq f’ San Pawl,” qalulna r-residenti li tkellmu ma’ ‘In-Nazzjon’.

Parti oħra ta’ San Pawl il-Baħar li tinsab fi stat ħażin ħafna hi d-dawra ta’ Buġibba u l-Qawra, b’mod partikolari dik il-parti tat-triq li minn ħdejn l-Akkwarju twassal sa ħdejn id-Dolmen. Din hi triq prinċipali li tinsab fi stat veru ħażin, u qegħda kontinwament toħloq periklu għal dawk li jgħaddu minnha.

“Kultant isir xi patching f’din it-triq iżda l-investiment meħtieġ biex tingħata wiċċ ġdid qatt ma sar, bil-konsegwenza li din it-triq ukoll tinsab fi stat perikoluż”, qalulna residenti ta’ dawn l-inħawi li wkoll tkellmu ma’ dan il-ġurnal fl-aħħar jiem.
Partijiet sostanzjali mit-toroq ewlenin f’San Pawl il-Baħar bħat-Telgħa tax-Xemxija, it-triq prinċipali ta’ Burmarrad u San Pawl il-Baħar, kif ukoll Triq it-Turisti, huma fi stat ħażin ħafna. Dan minbarra toroq oħra li jinsabu fil-lokalità li wkoll huma fi stat ħażin, bħal Triq Busewdien fil-Wardija.

Dan kollu juri n-nuqqas ta’ investiment li wettaq il-Kunsill Lokali Laburista wara tliet snin li fih kellu t-tmexxija ta’ San Pawl il-Baħar. Juri wkoll it-telqa min-naħa tal-Gvern Ċentrali, b’kuntrast ma’ dak li kien isir fil-passat meta l-Kunsill Lokali – immexxi mis-Sindku Nazzjonalista Graziella Galea – kien ħadem bil-għaqal u minbarra x-xogħol li wettaq hu stess, għamel ukoll il-pressjoni neċessarja fuq il-Gvern biex isir xogħol f’numru ta’ toroq madwar il-lokalità kollha. Dan għall-ġid tar-residenti.