Lokali Parlament

85 rapport ta’ serq mid-djar għall-anzjani tal-Gvern …kważi nofs is-serq fid-Dar tal-Mellieħa

Deċiżjoni fid-Dar tal-Anzjani fil-Mellieħa tiġi riveduta fil-ħin li tasal mistoqsija parlamentari għand il-Ministru Michael Farrugia

Bejn April tal-2013 sa dan ix-xahar ta’ Marzu, seħħew 85 każ ta’ serq mid-djar tal-anzjani, inkluż mir-residenza ta’ San Vincenz de Paul, fuq anzjani residenti fl-istess djar. L-akbar ammont ta’ serq, kważi nofs is-serq, seħħ mid-dar tal-anzjani fil-Mellieħa b’total ta’ 41 serqa.

Mir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul kienu rappurtati 13-il serqa, mid-Dar taż-Żejtun 11-il serqa, mid-Dar ta’ Bormla disgħa, u mid-Dar tal-Imsida sitta.

Dawn ir-rapporti ta’ serq mid-djar u residenzi tal-anzjani mmexxija mill-Gvern, kienu żvelati u kkonfermati fil-Parlament wara għadd ta’ mistoqsijiet li għamel id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabbiltà.

Tmexxija ħażina tad-djar tal-anzjani
Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista sejjaħ dawn ir-rapporti bħala turija u kawża tat-tmexxija ħażina ta’ dawn id-djar li tirrifletti wkoll it-tħassib li saħansitra qed jesprimu anzjani u qraba tagħhom li qed jesperjenzaw ukoll deċiżjonijiet li jolqtu direttament lill-istess anzjani u qraba tagħhom.

Jinbidlu l-ħinijiet tad-dħul għal min imur iżur l-anzjani fid-Dar tal-Mellieħa
Id-Deputat Nazzjonalista kritika wkoll id-deċiżjoni li ttieħdet fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa meta bidlet il-ħinijiet tad-dħul għal min imur iżur l-anzjani, bil-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, jikkonferma fil-Parlament li minn April 2013 sal-lum, kienet biss din id-Dar tal-Anzjani fil-Mellieħa li biddlet il-ħinijiet tad-dħul.

Robert Cutajar żvela fil-Parlament li d-deċiżjoni kienet riveduta hekk kif ġiet quddiem l-uffiċċju tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, il-mistoqsija li ressaq hu lill-Ministru Michael Farrugia.

Fil-mistoqsija, il-Ministru kien mitlub jgħid liema huma dawk id-djar tal-anzjani li minn April tal-2013 sal-lum inbidlilhom il-ħin tad-dħul għal min imur iżur l-anzjani fl-istess residenzi.

Id-deċiżjoni ġiet riveduta dakinhar stess, fis-17 ta’ Marzu li għadda, bil-ħinijiet tad-dħul issa treġġgħu lura għal li kienu qabel.

Il-Ministru Michael Farrugia wieġeb li d-deċiżjoni ttieħdet mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità f’konsultazzjoni mal-management ta’ din ir-Residenza wara li l-istaff kien qiegħed jirċievi diversi lmenti dwar il-preżenza ta’ qraba waqt il-ħin tal-ikel.

Din kienet deċiżjoni oħra li reġgħet treġġgħet lura għall-ħin oriġinali wara li l-ħinijiet il-ġodda kienu qed joħolqu inkonvenjent għal numru ta’ qraba.

L-anzjani jitteħdulhom il-mowbajls u l-affarijiet oħra personali qabel jidħlu fil-kamra tal-ikel

Id-Deputat Nazzjonalista kkritika wkoll deċiżjoni oħra inkwetanti għall-mod kif qed jiġu trattati l-anzjani meta qal li l-anzjani residenti fir-Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa jitteħdulhom il-mowbajls u l-affarijiet oħra personali qabel jidħlu fil-kamra tal-ikel fl-istess residenza.

Dwar dan, il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Anzjani wkoll ressaq mistoqsija parlamentari, bit-tweġiba tal-Ministru Michael Farrugia tkun li m’hemm l-ebda direzzjoni iżda jammetti li qed titħaddem proċedura li ilha mill-2009 li permezz tagħha r-residenti jiġu mitluba biex ma jniżżlux basktijiet magħhom waqt ħin l-ikel.

Problema oħra li d-Deputat Nazzjonalista ġibed l-attenzjoni tal-Ministru Michael Farrugia, kienet relatata ma’ deċiżjoni oħra fir-Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa.

Lanqas ma jistgħu jingħataw l-ikel mill-qraba fil-kamra tagħhom stess
Jirriżulta li l-anzjani li l-kundizzjoni ta’ saħħa tagħhom ma tippermettix li joħorġu mill-kamra tagħhom sabiex imorru jieklu mal-kumplament tal-anzjani fis-sala tal-ikel, ma jistgħux jingħataw l-ikel mill-qraba tagħhom fil-kamra tagħhom stess, xi ħaġa li kienet ilha ssir sa mill-ftuħ ta’ din ir-residenza, f’Marzu tal-2008.

Il-Ministru Farrugia fisser din il-prattika bħala ħażina, u saħaq li huma l-care-workers li huma mħarrġa biex jieħdu ħsieb jagħmlu dan u li jkunu jafu bil-problemi tar-residenti dwar x’jistgħu jieklu.