Antonel Dobre ġie kkundannat seba’ snin ħabs wara li bi tmien voti favur u wieħed kontra nstab ħati li tliet snin ilu kkaġuna ferita gravi segwita bil-mewt tal-immigrant Sudaniż Osama Al Shażliay Saleh f’Paceville.
Minkejja li nstab ħati, il-ġurati, seba’ rġiel u żewġ nisa, waqt il-verdett tagħhom indikaw li r-reat hu wieħed skużabbli minħabba l-provokazzjoni min-naħa tal-vittma. Mis-seba’ snin priġunerija jrid jitnaqqas iż-żmien li r-Rumen għamel taħt arrest preventiv.
Permezz tal-Avukat tiegħu, sar magħruf li Dobre mistenni jappella mill-piena mogħtija. B’seba’ voti kontra tnejn Dobre, ir-Rumen ta’ 29 sena nstab ħati wkoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Il-ġurati ħarġu bil-verdett tagħhom wara kważi seba’ sigħat ta’ deliberazzjoni.
Waqt l-għoti tal-verdett u tas-sentenza, Antonel Dobre kien akkumpanjat minn traduttriċi Rumena, li segwiet lill-akkużat matul il-kors kollu tal-ġuri. Filwaqt li Dobre deher kalm, kienu martu u ħutu li l-aktar dehru kommossi, tant li nfexxew jibku fl-Awla appena nqrat is-sentenza.
L-Avukat Roberto Montalto qal li qabel mal-każ spiċċa ġuri, hu kien tkellem mal-Avukat Ġenerali biex isir ftehim dwar ammissjoni u Dobre jmur erba’ snin ħabs wara li kkonsulta mal-akkużat. Qal li l-verdett hu wieħed ċar li kieku ma kienx hemm provokazzjoni, kieku dan l-inċident ma kienx iseħħ.
L-Avukat Montalto qal li l-verdett jagħti responsabbiltà minima lill-akkużat u li erba’ snin huma twal ħafna għal inċident li bdieh il-vittma. Qal li l-ġurati wrew xi jridu u li dan hu verdett ta’ tmien persuni li appoġġjaw il-każ tad-Difiża. Qal li wieħed ma jistax jargumenta li f’dan il-każ wieħed ma jistax japplika l-minimu tas-sentenza għax mietet persuna.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Larry Formosa, li kien qed jidher bħala parti ċivili fil-każ, ma qabilx u qal li fil-każ ta’ Dobre l-provokazzjoni ma tfissirx li wieħed għandu jmur għal minimu tas-sentenza. Il-Qorti trid tassessja l-livell ta’ provokazzjoni. Filwaqt li sostna li kieku ma kienx hemm individwu li qal li seħħ qtil sal-lum ma nafux x’ġara, l-Avukat fakkar kif wara li seħħ il-każ Dobre ħarab ukoll mill-pajjiż.
L-Avukat Montalto wieġeb li dak li qalet il-parti ċivili hu insult għalih personali minħabba l-involviment tiegħu biex Dobre jiġi Malta, li min-naħa tiegħu diġà kellu l-biljett tal-ajru lest biex jiġi lura. Saħaq li Dobre ġie Malta biex jiffaċċa l-Ġustizzja u għal dan l-att messu jiġi ppremjat billi s-sentenza tinżel għal taħt il-minimu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Kevin Valletta u Nadia Attard.
Aktar kmieni …
Wara kważi seba’ sigħat ta’ deliberazzjoni, il-ġurati sabu lil Antonel Dobre (ritratt) bi tmien voti kontra wieħed ħati li kkaġuna ferita gravi li kienet segwita bil-mewt ta’ Sudaniż. Madankollu, dan ir-reat hu wieħed skużabbli għax kien provokat. Ir-Rumen ta’ 29 sena nstab ħati wkoll b’seba’ voti kontra tnejn li kiser il-paċi pubblika.
L-Imħallef Antonio Mizzi, li kien qed jippresidi l-ewwel ġuri tiegħu quddiem ġurija, beda l-indirizz tiegħu lill-ġurati t-Tnejn li għadda u kompla lbieraħ qabel ma l-ġurati daħlu jiddeliberaw. Aktar tard, mistennija tingħata s-sentenza. Il-każ kien seħħ fis-17 ta’ Marzu 2012 meta Dobre kkaġuna ferita gravi lis-Sudaniż Osama Al Shażliay Saleh, li kellu 24 sena.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kevin Valletta u Nadia Attard, filwaqt li d-Difiża tmexxiet mill-Avukat Roberto Montalto.
//= $special ?>