Edukazzjoni Lokali

Aktar ilmenti fil-pubbliku dwar is-sitwazzjoni fl-ITS

Fl-aħħar jiem, MaltaRightNow.com irrapporta kif studenti fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) qed jilmentaw pubblikament dwar is-sitwazzjoni fl-ITS, li mill-ħażin sejra għall-agħar. L-istudenti qed jgħidu li kollox beda mal-bidla tal-Kap Eżekuttiv tal-Istitut, jiġifieri meta nħatar Henry Mifsud, deskritta bħala waħda mill-ħatriet għal tal-qalba.

Minn informazzjoni oħra li waslet għand MaltaRightNow.com, jidher li Henry Mifsud m’għadux imur għax-xogħol, hekk kif jinsab fuq leave minħabba mard fit-tul. Persuni li tkellmu magħna qalu li Mifsud ħareġ bil-leave minħabba mard fit-tul wara argument li kellu fil-Ministeru tat-Turiżmu.

L-istudenti tal-ITS ilhom xhur jilmentaw dwar it-tmexxija ta’ Mifsud. Huma kienu qalu li l-ewwel fost id-deċiżjonijiet ħżiena kienet il-bidliet fis-Sillabu u ż-żieda ta’ suġġetti li m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-Kors li qed isegwu. Dan minbarra l-livell baxx tal-Ingliż u l-imġieba deskritta mill-istudenti bħala mhux professjonali ta’ xi Għalliema part-time.

L-istudenti tal-ITS qalu li minflok Henry Mifsud tkellem magħhom dwar is-sitwazzjoni, kien qalilhom li għandhom problema ta’ attitudni, filwaqt li b’ton aggressiv qalilhom ukoll li huma ma jafux min hu. Każ ieħor li tkellmu dwaru persuni, din id-darba qrib l-amministrazzjoni tal-ITS, hu dak li għall-party tal-Milied, Henry Mifsud iddeċieda hu biex issir f’lukanda li ibnu jaħdem fiha.