Tikber l-inċertezza u l-konfużjoni fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), hekk kif wara sensiela ta’ rapporti dwar abbużi u irregolaritajiet, id-Direttur Eżekuttiv tal-ITS Henry Mifsud issospenda lilu nnifsu. Is-sospensjoni ta’ Mifsud tħabbret propju ftit wara li l-Partit Nazzjonalista kien ħareġ avviż li se jagħmel konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-ITS, indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Antoine Borg.
Kienu l-istudenti nfushom li bdew jilmentaw u jgħidu li l-ħatra ta’ Henry Mifsud bħala Direttur Eżkeuttiv ġabet magħha direzzjoni negattiva fl-Istitut tant importanti għas-settur turistiku. Antoine Borg semma’ l-każi ta’ irregolaritajiet li kienu qed isiru fl-ITS, fosthom fejn kien qed isir ikel b’xejn mill-Istitut għal riċevimenti privati, li saret attività suppost għall-ħaddiema kollha meta dan ma kienx minnu, li ġew utilizzati fondi tal-Unjoni Ewropea għal riċeviment u li ma kienux segwiti l-proċeduri adegwati.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni kompla li saru wkoll abbużi fl-ITS f’Għawdex minn Kunsillier Laburista, filwaqt li kkritika n-nuqqas ta’ ippjanar għall-istudji li se jibdew f’Ottubru. Dawn huma irregolaritajiet inaċċettabli, sostna Antoine Borg.
L-istudenti tal-ITS ilhom xhur jilmentaw dwar it-tmexxija ta’ Henry Mifsud u qalu li l-ewwel fost id-deċizjonijiet ħżiena kien hemm il-bidliet fis-Sillabu. Semmew ukoll iż-żieda ta’ suġġetti li m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-kors li qed isegwu, minbarra l-livell baxx tal-Ingliż u l-imġieba deskritta mill-istudenti bħala mhux professjonali ta’ xi Għalliema part-time.
Studenti tal-ITS qalu li minflok ma Henry Mifsud tkellem magħhom dwar is-sitwazzjoni, qalilhom li għandhom problema ta’ attitudni, filwaqt li b’ton aggressiv qalilhom li ma jafux min hu. Sadanittant, fi stqarrija l-Gvern qal li qed issir investigazzjoni dwar il-każi li jirrelataw ma’ Henry Mifsud.
Fl-istess waqt, minflok Henry Mifsud inħatar Pierre Fenech, li bħalissa hu d-Direttur Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
//= $special ?>