Internazzjonali

Boko Ħaram jisirqu mal-500 tifel u tifla

Madwar 500 tifel u tifla ta’ taħt il-11-il sena fin-Niġerja nħatfu mill-Boko Ħaram wara li l-militanti reġgħu ħatfu l-belt ta’ Damasak.

Truppi min-Niġerja u minn Ċad kien irnexxielhom jieħdu lura l-kontroll ta’ Damasak imma skont xhieda mill-post li tkellmu mal-aġenzija Reuters, il-militanti reġgħu marru fil-post u ħatfu t-tfal li sabu u ħaduhom magħhom.

Senatur li tkellem mal-BBC qal li dak li ġie rrappurtat hu tipiku għall-Boko Ħaram li jieħdu lit-tfal iż-żgħar fl-iskejjel Iżlamiċi “madrassas” u lill-ġuvintur ta’ bejn 16 u 25 sena jindottrinawhom għall-iskopijiet ħżiena tagħhom. Qal li fin-Niġerja nħatfu mijiet ta’ tfal u żgħażagħ għal dawn l-iskopijiet.

Il-militanti tal-Boko Ħaram qanqlu reazzjonijiet internazzjonali f’April tas-sena l-oħra meta ħatfu iktar minn 200 studenta minn skola. Skont il-kap tal-grupp, it-tfajliet ġew imżewġa.