Fost 19-il persuna impjegati fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol jew fl-entitajiet tiegħu
Ċiniż ingħata impjieg fil-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija (MCST) fuq il-bażi ta’ position of trust u mingħajr ma ħarġet ebda sejħa pubblika għal dan l-impjieg f’entità tal-Gvern li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Edukazzjon u Xogħol.
Iċ-Ċiniż ingħata impjieg fil-kariga ta’ konsulent, u hu l-uniku persuna fil-preżent li kien impjegat bħala persuna ta’ fiduċja tal-Gvern f’dan il-Kunsill. Kien hemm żewġ impjiegi oħra fl-MCST li kienu impjegati fuq il-bażi ta’ position of trust iżda li l-impjieg tagħhom m’għadux fis-seħħ.
Iċ-Ċiniż fl-MCST hu fost 14-il persuna li l-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol approva fl-entitajiet tiegħu fuq il-bażi ta’ position of trust. Fil-Ministeru hemm ħames persuni oħra impjegati fuq il-bażi ta’ position of trust.
Impjieg ta’ barrrani mingħajr sejħa pubblika
Dan kien ikkofermat mill-Ministru Evarist Bartolo għal mistoqsijiet li għamel fil-Parlament il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco, li staqsa lill-Ministru jgħid x’inhuma l-kwalifiki li għandha l-persuna li ntgħażlet għall-kariga ta’ China Expert Liason Consultant li jagħmluha idonea għal din il-pożizzjoni, u jispjega għal liema raġuni ġie deċiż li ma ssirx sejħa pubblika għal din il-pożizzjoni.
Il-Minstru Bartolo kkonferma li l-pożizzjoni ta’ China Expert Liaison Consultant ġiet approvata fuq bażi ta’ position of trust u qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tal-kuntratt kif ukoll informazzjoni dwar il-kwalifiki li għandha l-persuna li tokkupa din il-pożizzjoni.
Il-Ministru qal li l-esperjenza tax-xogħol barra minn Malta f’diversi oqsma kif ukoll komunikazzjoni u xogħol ta’ konsulenza ma’ imprendituri Ċiniżi anke fiċ-Ċina stess, kienu ta’ potenzjal għal din il-persuna, li timmeritalu l-pożizzjoni li għandu mal-MCST.
Filwaqt li qal li l-MCST sab persuna mill-aktar adatta biex jinvestiga kull opportunità li tista’ tinħoloq fis-settur tar-Riċerka u Innovazzjoni, ma ta ebda spjegazzjoni għaliex ma ħarġet l-ebda sejħa pubblika għal din il-pożizzjoni. Hekk ġara wkoll fil-każ tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li ġiet maħtura wkoll mingħajr ebda sejħa pubblika biex tagħmel xogħol għall-Gvern fiċ-Ċina b’salarju ta’ €13,000 fix-xahar.
Xufier/messaġġier impjegat ukoll fuq il-bażi ta’ posiiton of trust mal-Kunsill Malti għall-Isport
Jirriżulta wkoll li fil-preżent, fost dawk li huma impjegati fuq bażi ta’ position of trust mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol, hemm erbgħa fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, u messaġġier/xufier fil-Kunsill Malti għall-Isport. Fl-ETC kien hemm ukoll żewġ impjiegi ta’ xufier/messaġġier fuq il-bażi ta’ position of trust, iżda llum m’għadhomx fl-impjieg.