Il-Gvern se jkun qed jiġbor aktar f’taxxi matul din is-sena, is-somma ta’ €7.6 miljun aktar. Mas-somma ta’ €2.5 miljun li l-Gvern se jiġbor aktar mill-poplu f’taxxi u f’żidiet fi ħlasijiet għolja għas-servizzi li joffri l-Gvern, se jkun qed jiġbor ukoll €1.9 miljun mit-taxxa fuq l-inbid Malti, €1.2 miljun oħra f’taxxa minn fuq l-assigurazzjonijiet, €1 miljun f’aktar taxxa minn fuq is-siment u €1 miljun oħra minn fuq l-użu tal-mowbajl.
Dan kien ikkonfermat fil-Parlament fuq insistenza u talbiet tal-Oppożizzjoni fid-dibattitu llejla dwar il-miżuri li l-Gvern daħħal diġà b’Avviżi Legali, u b’oħrajn li se jidħlu b’mod immedjat, f’taxxi ogħla għall-poplu.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, talab lill-Gvern jagħti stima ta’ kemm il-Gvern ikkalkula li se jdaħħal aktar għal kull taxxa li qiegħed japprova l-Gvern fil-Parlament
Appell lill-Gvern biex ma jkomplix jintaxxa industriji sensittivi
Mario de Marco spjega li miżura waħda, dik ta’ żieda b’medja ta’ 10 fil-mija fuq is-servizzi tal-Gvern u li qed tiġi implimentata fuq kollox, hi ta’ inkwiet.
Semma l-liċenzji fuq is-settur tas-sajd lokali, li ma jħallix xi kwantità ta’ dħul u hi industrija li qed narawha tnaqqis u tonqos ukoll il-passjoni għaliha. Appella lill-Gvern biex ma jkomplix jitfa’ aktar piż fuq industriji bħal dawn.
L-Oppożizzjoni ma tistriħx fuq l-argument li qed iressaq il-Gvern, li dawn iż-żidiet huma minimi, u appella lill-Gvern jagħti inċentivi biex jersqu aktar nies lejn dawn is-setturi.
Jekk il-Gvern ried iżid il-fees of office, appella l-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni u Shadow Minister għall-Finanzi, ma kellux iżid fuq setturi sensitivi bħalma huma tas-sajd u l-agrikoltura.
Il-Ministru Scicluna ddefenda din il-kritika billi kritika lill-gvernijiet Nazzjonalisti li ma neħħihonx, u irrepeta li dawn huma żidiet nominali. Irrepeta għal darb’oħra li l-Gvern qiegħed jagħmel update tal-fees of office.
Mario de Marco wieġeb li dawn huma miżati li ma kinux jogħlew b’mod regolari, bil-Gvern stess f’dan id-dibattitu jammetti li wħud minnhom ilhon ħafna snin u għexieren ta’ snin ma jiżdiedu. Dan juri li amministrazzjoni Nazzjonalista ma kinitx qed iżżid, iżda hu dan il-Gvern li qed iżid b’10% dawn il-miżati fuq kull servizz u liċenzji li jridu jitħallsu bilfors lill-Gvern fis-setturi diversi tal-ekonomija tagħna.
F’maratona oħra tal-lejla fil-Parlament wara dik tal-bieraħ, ta’ dibattitu bejn Gvern u Oppożizzjoni bil-Ministru tal-Finanzi jressaq emenda wara oħra biex jiżdiedu u jogħlew il-miżati u taxxi, l-Oppożizzjoni talbet lill-Gvern spjegazzjoni dwar ir-raġuni tal-Gvern li jżid mhux biss il-ħlasijiet ogħla fis-servizzi tal-Gvern, iżda wkoll taxxi fuq industriji oħrajn essenzjali u sensittivi għall-ekonomija tagħna.
It-taxxa fuq it-tyres riveduta.. l-akbar taxxa titla’ sa €25
Fost dawn, l-Oppożizzjoni kkritikat lill-Gvern li qiegħed jintaxxa s-settur tal-produzzjoni lokali tal-inbid, iżid it-taxxa fuq it-telefonija tal-mowbajl, żidiet fuq it-tyres kemm fuq il-karozzi privati li se tkun ta’ bejn €7 u €8 fuq kull tyre, sa €24.50 fuq tyres kbar li jintużaw fl-industriji tal-kostruzzjoni, tal-biedja u sajd, u s-settur tat-trasport. Mario de Marco rrimarka li dawn huma kollha piżijiet akbar fuq l-industriji.
Il-Ministru Scicluna qal li kienet riveduta t-taxxa fuq it-tyres biex l-ogħla taxxa fuq it-tyres ma tkunx aktar minn €25, ikun kemm ikun il-piż tat-tyre.
Fisser ukoll li kienet riveduta wkoll it-taxxa fuq l-ikel tal-alf fuq ċerti ħut li jitkabbar fil-fishfarms. Se jibqggħu fis-seħħ it-tariffi ogħla fuq l-industrija tat-tkabbir tat-tonn fil-fishfarms.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni esprima sodisfazzjoni li l-Gvern, bejn il-Baġit u llum neħħa s-sisa minn fuq ċetu alf, iżda hu ta’ tħassib li s-sisa fuq it-tyres għadha hemm. Awgura li l-Gvern ukoll jikkunsidra wkoll tnaqqis ta’ din it-taxxa.
Il-Ministru Scicluna qal li din hi taxxa ambjentali. Taxxi li ħadu isem ħażin għall-mod kif kienu u għadhom sal-lum jitħaddmu. Il-Gvern se jara kif fil-futur ibiddel il-forma ta’ din it-taxxa.
Taxxa fuq l-inbid Malti hi piż ieħor fuq il-produtturi lokali
Dibattitu ieħor bejn Gvern u Oppożizzjoni tratta t-taxxa fuq il-produtturi lokali tal-inbid. Ix-Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco rrimarka li l-Gvern mhux qiegħed ikun sensittiv u ġust mal-produtturi lokali. Fisser li diġà huma fi żvantaġġ minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna u ċ-ċokon tas-suq tagħna, meta paragunati ma’ produtturi kbar barranin li jesportaw ukoll lejn pajjiżna fejn l-ispejjeż tal-produtturi lokali huma ħafna akbar minn dawk ta’ produtturi barranin.
Irrimarka wkoll li l-prezz tal-inbid lokali, li hu ta’ kwalità u livell li tjieb ħafna tul is-snin, hu diġà għoli, u taxxa ta’ 15ċ fuq kull litru hi piż ieħor fuq il-produtturi lokali.
Is-seduta tal-Parlament li bdiet kmieni waranofsinhar fis-2pm, u li għal ħinijiet twal tmexxiet mid-Deputat Speaker Ċensu Galea, intemmet ftit minuti qabel il-11pm.
//= $special ?>