Kunsilli Lokali Lokali

F’San Pawl il-Baħar, Kunsill Laburista qatta’ tliet snin jipprova jsolvi l-problemi interni – Mario de Marco

Il-Kunsill Laburista ta’ San Pawl il-Baħar qatta’ l-aħħar tliet snin jipprova jsolvi l-problemi interni tiegħu, fosthom billi jiffaċċja diversi riżenji, tibdil fis-Segretarji Eżekuttivi u element qawwi ta’ nuqqas ta’ armonija li minnha batiet il-lokalità.

Sostna dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco f’konferenza tal-aħbarijiet f’San Pawl il-Baħar. Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fuq il-promenade, li kien tlesta fi żmien Amministrazzjoni Nazzjonalista u li hu wieħed mill-aħħar proġetti li minnhom ibbenefikaw ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar għax fl-aħħar tliet snin ma sar kważi xejn f’din iż-żona turistika.

Mario de Marco spjega li Buġibba, San Pawl il-Baħar, Burmarrad, ix-Xemxija u ż-żona tal-madwar għandhom sfidi kbar, l-aktar minħabba l-fatt li dan hu post b’dimensjoni turistika kbira.

Il-Partit Laburista mexxa San Pawl il-Baħar għall-ewwel darba f’dan it-terminu, iżda f’dawn it-tliet snin spikkaw nuqqas ta’ proġetti jew proġetti li ma sarux. Mario de Marco fakkar kif ir-residenti spiċċaw batew wara r-riżenja ta’ Sindku u żewġ Kunsillieri Lokali, kif ukoll bit-tibdil ta’ tliet Segretarji Eżekuttivi.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet kienu preżenti wkoll il-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-11 ta’ April li ġej. Indirizza wkoll lill-media l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius, li spjega kif dan il-grupp ta’ Kandidati joffri għażla tajba għar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar. Dan hu tim b’saħħtu, li kapaċi jagħmel id-differenza, sostna David Agius.