Il-jum tas-Sibt, 21 ta’ Marzu 2015 – l-ewwel jum tar-rebbieħ, kien jum storiku u ta’ ferħ għall-Knisja Kattolika f’Malta. Dakinhar l-Isqof Charles Scicluna ħa uffiċjalment f’idejh it-tmun tal-Knisja f’Malta waqt ċelebrazzjoni qaddisa li saret fil-Katidral tal-Imdina.
Okkażjoni ta’ ferħ għal dawk kollha li għandhom tassew għal qalbhom il-ġid tal-Knisja f’Malta li matul is-snin deher evidenti ħafna li ddgħajfet u naqqset milli tkun għall-altezza quddiem bosta sitwazzjonijiet. Għandha bżonn urġenti ta’ mexxej li jaqbad il-barri minn qrunu u jmexxi hu.
Wara ħafna snin ta’ mexxija mill-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca, fejn it-triq tan-niżla kienet bdiet tinħass, it-tmexxija għaddiet f’idejn l-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona op. Dan kien raġel qaddis iżda prudenti żżejjed li ppreferi jħalli l-ħafna fl-idejn ta’ ftit nies madwaru.
Numru ta’ ċirkostanzi u ġrajjiet wasslu lill-Knisja f’pajjiżna tkompli ssir irrilevanti fost ħafna. Ċerti eżempji u stejjer minn saċerdoti u reliġjużi komplew inaffru lin-nies mill-Knisja li fit-tmexxija tagħha baqgħet maħkuma minn erba’ min-nies bl-aġenda tagħha.
Rankatura għal ġol-ħajt
Kien ilu ħafna jingħad li l-Knisja ma setgħetx tibqa’ għaddejja bir-rankatura għall-ġol ħajt kif l-affarijiet kienu qed jiġru. In-nies iridu Knisja li tħobb, taħfer u li tkun ta’ eżempju san. Knisja bi tmexxija soda li tmexxi u tissettja hi l-aġenda tal-imħabba, il-maħfra u l-eżempju sod.
Biex inkunu onesti naqblu perfettament li llum il-ġurnata l-Knisja qed tiffaċċja għadd ġmielu ta’ problemi u sfidi li forsi ma kenux magħha sa ftit tas-snin ilu. Il-bumbardament tal-media, il-lussu assertiv tat-teknoloġija u l-kompjuter b’dak kollu li jġibu magħhom, it-taħlit dejjem jikber ma’ kulturi u influwenzi barranin flimkien ma’ stili ġodda ta’ ħajja ġabu taqliba sħiħa fis-soċjetà Maltija.
Hu f’din il-perspettiva li l-Maltin kienu qed jistennew b’ħerqa lill-Isqof Charles Scicluna jieħu t-tmexxija tal-Knisja Maltija f’idejh. Stennija għal kapitlu ġdid fi ħdan il-Knisja f’Malta u t-tmexxija tagħha. Il-Maltin huma ħerqana li fl-Arċisqof il-ġdid jaraw mexxej sod, li jibda jaqta’ l-mażżri u x-xkiel u li jibda jixpruna l-ħeġġa u l-entużjażmu fost in-nies lejn il-Knisja.
Il-kwalitajiet tal-għerf, il-prudenza u l-leadership l-Isqof Charles Scicluna urihom bil-fatti kemm-il darba. Għandu kwalitajiet li ddistingwewh mhux biss f’Malta imma anki meta serva f’fora u f’istituzzjonijiet oħra lil hinn minn xtutna.
Għandu l-vantaġġ li għadu żgħir fl-età u li jgawdi ħafna esperjenza fi ħdan it-tmexxija tal-Knisja. Nemmnu li kapaċi jterraq u jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Forsi anki dawk id-deċiżjonijiet iebsa u li ma jagħmluhx daqstant popolari.
Tmexxija fi żminijiet iebsa
Bla dubju se jkun qed jidħol fit-tmexxija tal-Knisja fi żminijiet iebsa. Imma fi żminijiet li jafu jkunu eċċitanti u li ‘l quddiem jagħtu riżultati sbieħ u inkoraġġanti. It-tibdil jaf iġib miegħu weġgħat u ħars bl-ikreh. Imma jekk il-Knisja f’Malta verament trid taqbad il-binjarju t-tajjeb, allura jeħtieġilha tgħaddi minn dan il-mument diffiċli. Hekk u hekk wara l-maltemp titfaċċa r-rebbiegħa u l-bnazzi.
Monsinjur Chalres Scicluna żgur li kapaċi jpoġġi lill-Knisja f’pajjiżna fit-triq it-tajba. Jerġa’ jagħmilha rilevanti. Jerġa’ jagħmilha punt ta’ riferiment. Jerġa’ jnaddafha mill-klikek. Jerġa’ jagħmilha l-Knisja Maltija li l-Insara jerġgħu jsibu fiha l-imħabba, il-maħfra u l-kenn.
//= $special ?>