Matul l-aħħar 12-il xahar kien hemm ħames riżenji ta’ membri mill-Kunsill Konsultattiv tan-Nofsinhar ta’ Malta li twaqqaf mill-Prim Ministru sena u erba’ xhur ilu taħt it-tmexxija tad-Deputat Laburista Silvio Parnis, bħala Chairman tal-Kunsill.
Jirriżulta wkoll li mill-ħames impjegati fil-Kunsill, tnejn huma fil-Customer Care.
Dan kien żvelat fi tweġiba li ngħatat għal mistoqsijiet li għamel fil-Parlament ix-Shadow Minister Jason Azzopardi, li staqsa lill-Ministru Helena Dalli jekk matul l-aħħar 12-il xahar kienx hemm riżenji ta’ membri mill-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta; min kienu dawk li rriżenjaw u liema settur kienu qed jirrappreżentaw. Intalbet tgħid ukoll jekk ġewx appuntati membri ġodda matul l-istess perjodu; min huma, minn liema lokalità ġejjin u liema setturi qed jirrappreżentaw f’dan il-Kunsill.
Jirriżulta li minn dan il-Kunsill Konsultattiv li twaqqaf f’nofs Novembru tal-2013 irriżenjaw Lino Bugeja, Joe Fava, Kenneth Abela u Graziella Cavlan, li kienu kollha jirrappreżentaw lill-Gvern. Kien hemm ukoll ir-riżenja ta’ Nora Macelli li kienet tirrappreżenta lill-Kurja ta’ Malta.
Għall-ħames riżenji li seħħew, matul l-istess perjodu kienet appuntata persuna waħda – Joseph Salerno li jirrappreżenta lill-Kunsill ta’ Marsaskala.
Fil-Parlament, ix-Shadow Minister staqsa wkoll kemm il-Kunsill Konsultattiv għandu impjegati jaħdmu miegħu, jew li ġew assenjati miegħu; x’inhu x-xogħol u l-grad ta’ dawn l-impjegati; u l-benefiċċji li qed jingħatawlhom, u minn liema lokalitajiet huma dawn l-impjegati.
Jirriżulta li mill-ħames impjegati li għandu l-Kunsill Konsultattiv, tnejn huma assenjati għal xogħol ta’ Customer Care – persuna minn Ħal Kirkop fil-kariga ta’ Kap tal-Customer Care fil-grad ta’ Officer II, u persuna oħra minn Santa Luċija fil-Customer Care tal-istess Kunsill fil-grad ta’ Assistent Prinċipal.
Il-Kunsill, taħt it-tmexxija tad-Deputat Laburista Silvio Parnis li kien elett fl-aħħar elezzjoni minn fuq ir-raba’ distrett elettorali, għandu wkoll xufier minn Ħal Tarxien li kien impjegat f’Mejju tas-sena l-oħra, u Segretarju tal-Kunsill mill-Imqabba li kien ukoll impjegat f’Mejju tas-sena l-oħra.
Il-Kunsill għandu wkoll impjegat ieħor, fil-kariga ta’ Deputat Segretarju tal-Kunsill, li hu minn Raħal Ġdid.
Id-Deputat Laburista Silvio Parnis hu wieħed mid-diversi deputati Laburisti fuq in-naħa tal-Gvern li l-Prim Ministru ħatar f’kariga ta’ tmexxija ta’ aġenzija, awtorità, jew entità tal-Gvern.
Il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta hu entità oħra tal-Gvern li għażlet, permezz taċ-Chairperson magħżul minn fost id-Deputati Laburisti tal-Gvern, li timpjega nies minn barra s-settur pubbliku biex kompla żied in-nefqa tas-salarji tal-Gvern.
Li jistona f’dawn l-impjiegi mhux biss li qed jiddaħħlu nies minn barra s-settur pubbliku, iżda li l-Gvern qiegħed jimpjega ħaddiema li x-xogħol tagħhom jista’ jsir minn diversi ħaddiema oħrajn li huma diġà fis-settur pubbliku, bħalma hu fil-każ ta’ xufier. Dan ifisser żieda fis-salarji u fl-ispiża tal-pagi li setgħet faċilment ġiet iffrankata kieku ntgħażlu minn ġewwa ċ-Ċivil.
Dan l-argument saħaq dwaru fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo wkoll, li l-ġimgħa li għaddiet żvela fil-Parlament li fil-Ministeru ta’ Helena Dalli hemm ħames xufiera li ngħataw impjieg fuq il-mertu ta’ ‘persons of trust’, bil-Ministru Dalli tikkonferma li saru dawn il-ħatriet iżda tiddefendihom billi tgħid li mhumiex impjegati bħala xufiera magħha iżda ma’ Chairpersons tal-awtoritajiet u entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tal-Ministeru li tmexxi.
U issa għandna l-konferma li x-xufier tad-Deputat Laburista Silvio Parnis ukoll kien impjegat minn barra s-settur pubbliku f’Mejju tas-sena l-oħra.
//= $special ?>