Wara li f’erba’ xhur ma ġabarx lista tal-waiting list għall-operazzjonijiet, tliet xhur oħra mhumiex biżżejjed għall-Ministru Konrad Mizzi biex iwieġeb dwar it-tlestija u x-xogħlijiet b’lura li hemm fl-Isptar tal-Onkoloġija, ippjanat u li tħalla fi stadju avvanzat ta’ kostruzzjoni mill-amministrazzjoni Nazzjonalista.
Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister Claudio Grech, fl-aħħar tas-sena l-oħra kien staqsa lill-Ministru Konrad Mizzi jgħid jekk hemmx xi kuntratturi li qed jaħdmu fuq il-bini u t-tlestija tal-Isptar tal-Onkoloġija li waqgħu lura fix-xogħol kuntrattat lilhom; u jekk hu l-każ li hemm, jelenka min huma l-kuntratturi li waqgħu lura fix-xogħol; għal xiex kienu kkuntrattati u fiex u b’kemm qegħdin b’lura.
Il-Ministru għas-Saħħa u Enerġija kien wieġeb fil-Parlament lejn l-aħħar ta’ Jannar, u qal li l-informazzjoni għadha qed tinġabar. Wieġeb bl-istess mod meta x-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg, reġgħet ressqet l-istess mistoqsija lill-Ministru li ma kienx wieġeb.
Xahrejn wara, lejn l-aħħar ta’ Frar, il-Ministru Mizzi kien għadu jiġbor l-informazzjoni, bħalma qal illum ukoll fil-Parlament meta wieġeb għall-istess mistoqsijiet li kienu qed isirulu għat-tielet darba.
Minkejja dan is-silenzju tal-Ministru Konrad Mizzi, ftit jiem biss qabel il-Milied, saret ċerimonja uffiċjali tal-inawguazzjoni tal-Isptar tal-Onkoloġija.
//= $special ?>