Il-Partit Nazzjonalista llum nieda s-sit elettroniku informattiv għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-11 ta’ April li ġej.
Fil-website www.naghmludifferenza.com, wieħed jista’ jkun jaf aktar min huma l-Kandidati li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta fl-34 lokalità fejn se jsiru l-elezzjonijiet madwar Malta u Għawdex. Minnha wkoll, wieħed jista’ jsegwi l-programm politiku tal-Partit Nazzjonalista għal kull lokalità.
F’messaġġ qasir dwar dan is-sit elettroniku, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fakkar fil-proċess ta’ tiġdid li għaddej minnu l-Partit. Sostna li bi stil ta’ politika innovattiva, il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel differenza għall-aħjar fil-ħajja tan-nies biex ikun dejjem aktar il-Partit tan-Nies.
Ibbażat fuq dan il-ħsieb, is-sit elettroniku www.naghmludifferenza.com tgħin lill-viżitatur jifhem aktar il-prinċipji sodi, ibbażati fuq l-onestà u l-verità, li qed jaħdem bihom il-Partit Nazzjonalista anke fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Simon Busuttil ħeġġeġ lil kulħadd biex iżur dan is-sit elettroniku ħalli jsir jaf aħjar lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista.
Sadanittant, minn din il-website, wieħed jista’ jsib ukoll informazzjoni dwar il-jiem marbuta mal-votazzjoni u anke kif wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Uffiċċju ELCOM f’każ ta’ diffikultà. Dan ikompli jgħin lill-viżitatur tas-sit iħossu parti essenzjali bil-vot tiegħu fil-11 ta’ April li ġej.
Minn www.naghmludifferenza.com, il-Partit Nazzjonalista qed jikkommetti ruħu li jimxi id f’id mal-Maltin u l-Għawdxin kollha biex verament issir differenza fil-lokalitajiet li ngħixu fihom.
//= $special ?>