Lokali

Il-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici il-mistieden ta’ “Iswed fuq l-Abjad” tal-lejla

L-esperjenzi koroh f’Għawdex waqt it-Tieni Gwerra Dinjija huma uħud mill-memorji l-aktar emozzjonanti li jikkummenta dwarhom il-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici fl-awtobijografija tiegħu intitolata “Konvinzjoni u Esperjenza”. Dan il-ktieb ġdid mill-Klabb Kotba Malti se jkun fil-qofol tad-diskussjoni waqt il-programm “Iswed fuq l-Abjad” fuq NET Television, fejn il-mistieden speċjali hu propju Ugo Mifsud Bonnici.

Fl-intervista, li tmexxiet mill-Avukat Frank Psaila, Mifsud Bonnici jispjega kif fi tfulitu ffaċja l-mewt darbtejn waqt il-Gwerra. Fil-ktieb tiegħu, il-President Emeritus jitkellem dwar l-influwenza ta’ ommu fuq it-tfulija tiegħu, ix-xogħol ta’ missieru fil-Qrati u l-involviment tiegħu fil-Partit Nazzjonalista matul is-sittinijiet.

Fl-intervista, Ugo Mifsud Bonnici jispjega kif kien hu li ffaċja lil Ġorġ Borg Olivier meta riedu jsibu Kap Suċċessur għall-Partit Nazzjonalista. Iżda Mifsud Bonnici ma ħassx li kellu jsir hu Kap, għalkemm Guido de Marco, Louis Galea u John Camilleri riedu lilu. Fl-awtobijografija, Ugo Mifsud Bonnici jitkellem ukoll dwar ix-xokk li kien ħa meta Eddie Fenech Adami kien ipproponieh għall-kariga ta’ President tar-Repubblika.

Matul il-Presidenza tiegħu, Mifsud Bonnici kien ra bidla fil-Gvern meta ġie elett Alfred Sant bħala Prim Ministru. Mistoqsi minn Frank Psaila dwar il-perjodu ta’ bejn l-1996 u l-1998, Ugo Mifsud Bonnici jinsisti li dejjem ta parir lil Alfred Sant iżomm il-mandat li kien tah il-poplu fl-elezzjoni.